L-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li saru fis-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea fi tmiem il-ġimgħa li għadda, urew li f’Malta, bi tlieta u sebgħin fil-mija (73%), kellna t-tielet l-akbar turnout Ewropew.
Dan joħroġ minn ċifri uffiċjali tal-Parlament Ewropew, hekk kif intemm l-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet li saru bejn il-Ħamis, 6, u l-Ħadd, 10 ta’ Ġunju.
Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li l-ogħla turnout Ewropew kien fil-Belġju, b’90%, fejn l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew ħabtet fl-istess ħin mal-elezzjonijiet nazzjonali u dawk reġjonali.
Wara l-Belġju, jiġi l-Lussemburgu b’turnout ta’ 82% u mbagħad pajjiżna.
It-turnout ta’ pajjiżna fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ nhar is-Sibt li għadda, hu wkoll simili għal dak li kien hemm fl-istess elezzjoni ħames snin ilu.
It-turnout f’Malta jaqbeż sew il-medja Ewropea. Dan hekk kif it-turnout medju madwar l-Ewropa kien ta’ ftit inqas minn 51%.
F’pajjiżi kbar, bħal Spanja, l-Italja u l-Greċja, it-turnout kien saħansitra inqas minn nofs il-votanti eliġibbli. Fil-fatt, waqt li t-turnout fi Spanja u l-Italja kien ta’ 49% u 48% rispettivament, fil-Greċja niżel għal 41%.
Minkejja dan, l-aktar turnouts baxxi Ewropej ġew irreġistrati fil-Kroazja, il-Litwanja, il-Bulgarija u l-Latvja. Fil-Kroazja, l-aktar pajjiż Ewropew b’turnout baxx, ħarġu jivvotaw biss wieħed minn kull ħames persuni eliġibbli għall-vot.