Ċifri tal-Eurostat juru li matul is-sena li għaddiet Malta kellha t-tielet l-akbar tkabbir fit-turiżmu fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-għadd tal-iljieli li t-turisti qattgħu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni turistika żdiedu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bl-akbar żieda tkun irreġistrata fil-Latvja (8.3%), il-Litwanja (b’7.7%) u Malta (b’6.5%). Miċ-ċifri joħroġ ukoll li l-Lussemburgu rreġistra tnaqqis ta’ 4.3%, l-Irlanda tnaqqis ta’ 1.5% u Spanja bi tnaqqis ta’ kważi wieħed fil-mija.
Il-Eurostat żied jgħid li Malta kellha wkoll l-ogħla rata ta’ turisti li qagħdu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni turistika. Joħroġ ukoll li bi 8.6%, Malta kellha t-tieni l-akbar żieda fl-akkomodazzjoni ta’ persuni residenti.
Ċifri ppubblikati mill-NSO juru li matul is-sena li għaddiet żaru Malta rekord ta’ 2.5 miljun turist li bejniethom ħallew f’pajjiżna aktar minn żewġ biljun ewro.