Fit-tielet kwart tas-sena li għadda, Malta rreġistrat it-tielet l-akbar tnaqqis fid-dejn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Eurostat qal li d-dejn ta’ Malta naqas b’aktar minn 4.4 fil-mija biex issa niżel għal taħt il-55 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
Fl-istess perjodu, b’erbgħa punt tnejn fil-mija, Malta rreġistrat l-ogħla surplus fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Għall-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta Dr Philip von Brockdorff, iċ-ċifri tal-Eurostat huma frott it-tmexxija serja fil-finanzi pubbliċi u l-istabilità ekonomika u finanzjarja li għandu pajjiżna li jwasslu sabiex jattira investituri barranin.
Dr Von Brockdorff sostna li bis-sitwazzjoni ekonomika kif inhi, Malta tista’ tiġbed lejha aktar investiment.
Permezz ta’ din l-istabilità, il-Gvern mhux se jkollu għalfejn jintroduċi taxxi ġodda u wisq anqas jirrikorri għal-żieda fit-tassazzjoni.
Għall-kuntlarju ta’ amministrazzjonijiet oħra, l-għaqal u l-bżulija tal-poplu Malti qed iwasslu għal riżultati eċċellenti li qed jaffettwaw lill-familji Maltin u Għawdxin.
Fi kliem Dr Philip von Brockdorff dawn ir-riżultati qed jikkontribwixxu sabiex ir-rota ekonomika tkompli iddur. Brockdorff saħaq li t-tkabbir ekonomiku sar minħabba n-numru a’ miżuri li ttieħdu speċjalment biex jiġi attirat aktar investiment u aktar xogħol, inkluż aktar nisa Maltin, kif ukoll impjiegi lill-barranin. Qal li dan kollu jiġġenera ekonomija b’saħħitha b’miżuri u politika li tattira x-xogħol u l-investiment.