Ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea juru li matul April li għadda Malta kellha t-tieni l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi li għandhom il-munita ewro.
Iċ-ċifri juru li bi 2.2 fil-mija, ir-Repubblika Ċeka kellha l-anqas rata ta’ qgħad, segwita minn Malta bi 3 fil-mija u l-Ġermanja bi 3.4 fil-mija. L-ogħla rata ta’ qgħad ġiet irreġistrata fil-Greċja bi kważi wieħed u għoxrin fil-mija u Spanja bi kważi 16 fil-mija.
Ir-rata medja ta’ qgħad fiż-Żona Ewro kienet ta’ 8.5%.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juri wkoll li matul April li għadda, b’6.8 fil-mija, Malta kellha wkoll it-tieni l-anqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Kienet biss il-Ġermanja li kellha rata ta’ qgħad anqas minn ta’ Malta b’sitta fil-mija.
Min-naħa l-oħra, b’aktar minn 45 fil-mija l-Greċja rreġistrat l-ogħla rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ segwita minn Spanja bi kważi 35 fil-mija taż-żgħażagħ qiegħda u l-Italja bi 33 fil-mija.