Pajjiżna jiddeċidi hu biss min jieħu ċ-ċittadinanza Maltija u ħadd aktar.
Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat fid-dawl ta’ mossa mill-Kummissjoni Ewropea li ħarġet mil-limiti tas-setgħa u kompetenza tagħha u bagħtet ittra lil Malta dwar il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat stqarr: “Malta tiddeċidi hi min isir Malti u min le. Dan huwa prinċipju sagrosant illi jgħodd mhux għal pajjiżna biss, imma jgħodd għal kulħadd, jiġifieri kull pajjiż jiddeċdi hu min jista’ jsir Malti u min le u b’liema metodi. Jiġifieri hawn Malta biex inti ssir Malti tista’ tiġi tinvesti hawnhekk, tista’ pereżemju tiżżewweġ persuna Maltija, jista jkun kellek il-qraba li huma Maltin.”
Alex Muscat qal li l-ittra formali li bagħtet il-Kummissjoni Ewropea lil Malta fiha biss argumenti politiċi u mhux legali.
Huwa sostna: “L-Ewropa qed tgħid le mhux intom tiddeċidu min isir Malti u min le u dan hu l-argumentazzjoni kollha li kienu qed jagħmlu Maltin bħalna l-MEPs Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa li dawn l-istess arguenti spiċċaw fuq l-ittra illi ntbagħtet lilna, jien li nista’ ngħid illi din l-ittra l-ewwel analiżi li għamilna tagħha ma għandha l-ebda bażi legali, jiġifieri l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, hija argumentazzjoni mhux ibbażata fuq il-liġi.”
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern se jwieġeb formalment għall-ittra ta’ notifika fiż-żmien li ġej u l-intenzjoni tiegħu hi li juża l-miżuri legali kollha possibbli biex jiddefendi l-interess nazzjonali u s-sovranità.
Huwa fakkar li l-Programm tal-Investitur Individwali se jkun qed jintemm u permezz tiegħu, il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali investa f’akkomodazzjoni soċjali, tagħmir tal-kura tas-saħħa u saħħaħ iċ-ċentri tas-saħħa. Il-programm wieżen ukoll l-ekonomija ta’ pajjiżna waqt il-pandemija, u salva kemm il-ħajjiet kif ukoll l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fost l-oħrajn ir-regolamenti l-ġodda se jiżguraw l-ogħla standards fis-settur tar-residenza permezz ta’ investiment barrani. Dawn ir-regolamenti se jagħtu l-opportunità li individwi japplikaw biss għaċ-ċittadinanza wara 3 snin ta’ residenza jew b’eċċezzjoni permezz ta’ investiment ogħla wara sena.