Stħarriġ dwar ix-xejriet tat-taxxa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea juri li matul is-sena li għaddiet, Malta kellha s-6 l-inqas rati ta’ taxxi fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-livell tat-taxxi f’Malta s-sena l-oħra kien ta’ 32.7% tal-Prodott Domestiku Gross. Din iċ-ċifra mhux biss hija 7.6% anqas mill-medja Ewropea ta’ 40.3%, iżda hija kważi 2% inqas minn kemm kienet fl-2008.
Fil-fatt l-ogħla livell ta’ taxxi ġew irreġistrati fi Franza b’aktar minn 48%, il-Belġju bi ftit aktar minn 47% u d-Danimarka bi kważi 46% tal-Prodott Domestiku Gross. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda bi 23%, ir-Rumanija bi ftit aktar minn 27% u l-Bulgarija bi kważi 30% kellhom l-inqas livell ta’ taxxi.
Il-pubblikazzjoni tal-Eurostat turi wkoll li matul is-sena li għaddiet Malta kienet fost grupp ta’ 7 pajjiżi biss li naqqsu l-livell tat-taxxi meta mqabbel mal-2017.