It-tnaqqis fil-persuni f’Malta li qegħdin jgħixu f’riskju ta’ faqar matul is-sena li għaddiet wassal biex pajjiżna jirreġistra s-sebgħa l-anqas rata ta’ nies li qegħdin jgħixu mċaħħda mill-aktar affarijiet essezjali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Iċ-ċifri juru li matul is-sena li għaddiet madwar tlieta u tletin miljun persuna jew kważi sebgħa fil-mija tal-popolazzjoni Ewropea kienet qiegħda tgħix imċaħħda mill-aktar ħwejjeġ bażiċi.
Dan ifisser li ma setgħux jaffordjaw minn tal-inqas erba’ affarijiet li huma meqjusa minn bosta bħala neċessarji biex jgħixu ħajja xierqa.
Fost oħrajn li jieklu laħam u ħut b’mod regolari, li jagħmlu btala darba f’sena, li jkollhom televixin u magna tal-ħasil u li jżommu d-dar sħuna.
L-istatistika turi li matul is-sena li għaddiet Malta kienet mal-inqas grupp ta’ pajjiżi li ċ-ċittadin tagħha kienu f’din il-qagħda. Fil-fatt kienu biss pajjiżi sinjuri bħal l-Iżvezja, il-Lussemburgu, il-Finlandja, l-Olanda, l-Awstrija u d-Danimarka li kellhom rati aħjar minn ta’ Malta li kienet ta’ 3.3 fil-mija u li kienet tfisser ukoll tlieta fil-mija inqas mill-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Imqabbel mal-elfejn u sittax, Malta rreġistrat ukoll l-akbar tnaqqis fil-persuni li kienu mċaħħda severament mill-aktar affarijiet bażiċi.
Fil-fatt in-numru ta’ persuni li kienu f’din is-sitwazzjoni fl-2017 naqas għal erbatax-il elf. Dan meta fl-elfejn u tnax, fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista, in-nies imċaħħda severament kienu jammontaw għal sebgħa u tletin elf b’rata ta’ aktar minn għaxra fil-mija u ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 8.9 fil-mija.
Din l-istatistika tikkonferma kemm il-miżuri soċjali li ħa l-Gvern f’dawn l-aħħar snin – fosthom id-dħul tal-inwork benefit, il-garanzija għaż-żgħażagħ, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, iż-żieda fil-pensjonijiet u f’benefiċċji soċjali oħra wasslu għal titjib fil-qagħda ta’ dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà tagħna.
Tikkonferma wkoll kif it-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna qiegħed jilħaq lill-faxex kollha tas-soċjetà.