Statistika tal-Eurostat turi li fit-tieni kwart tas-sena, Malta kienet fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li rnexxielha tnaqqas id-dejn tal-Gvern kemm meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tas-sena u kemm meta mqabbel mad-dejn li kellha fl-istess tliet xhur is-sena li għaddiet.
Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ li bejn April u Ġunju li għadda, Malta kienet fost grupp ta’ 11-il pajjiż li rnexxielhom inaqqsu d-dejn b’rata aktar mgħaġġla mill-bqija tal-pajjiżi l-oħra Ewropej.
Joħroġ ukoll li meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet, Malta b’rata ta’ 3.4 fil-mija, kellha s-seba’ l-ikbar tnaqqis fid-dejn.
B’rata ta’ 5.2 fil-mija, l-Ungerija u l-Islovenja kellhom l-ikbar tnaqqis fid-dejn waqt li Ċipru, il-Greċja u l-Italja kellhom l-ikbar żieda fid-dejn fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Miċ-ċifri joħroġ ukol li l-għafsa tad-dejn f’pajjiżna kienet ta’ 45.7 fil-mija, kważi n-nofs tal-medja fil-pajjiżi taż-Żona Ewro li kienet ta’ 86.4 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.