Fl-aħħar sentejn, Malta ħadet ir-rwol biex tmexxi d-djalogu favur il-paċi madwar id-dinja, f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali b’żewġ gwerer viċin tagħna.
Fl-2023 u fl-2024, Malta kellha siġġu mhux permanenti fl-ogħla organu tal-Ġnus Magħquda, dak tal-Kunsill tas-Sigurtà. F’dan il-perjodu, Malta kellha l-Presidenza, darbtejn – l-ewwel darba fi Frar tal-2023 u t-tieni darba f’April tal-2024.
F’dawn is-sentejn, Malta kellha tliet prijoritajiet ewlenin fosthom: it-tfal u l-kunflitti armati, is-sigurtà klimatika u nisa, paċi u s-sigurtà. F’dan it-terminu, il-Kunsill tas-Sigurtà ltaqa’ għal 560 laqgħa formali u adotta 91 riżoluzzjoni.
Is-sena l-oħra, Malta mexxiet riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani, li ppermettiet kurituri umanitarji u ħelsien ta’ aktar minn mitt ostaġġ — kisba storika wara kważi għaxar snin ta’ nuqqas ta’ progress diplomatiku.
Fil-Presidenza, aktar kmieni din is-sena, id-diskussjonijiet dwar l-aċċess umanitarju għat-tfal u s-soluzzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ għall-isfidi tas-sigurtà fil-Mediterran kisbu prominenza.
Fl-aħħar jiem, il-Kunsill tas-Sigurtà approva riżoluzzjoni ppreżentata minn pajjiżna biex jissaħħu l-isforzi internazzjonali għall-ħarsien tat-tfal f’żoni ta’ konflitti armati.
Fl-2024, Malta wkoll kellha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE. Dan wara li ma kienx hemm qbil dwar il-Presidenza tal-Estonja, fost oħrajn mir-Russja.
B’Malta daħlet għal dan ir-rwol wara li kien hemm qbil bejn il-pajjiżi kollha ta’ din l-organizzazzjoni.
Matul il-Presidenza, id-Deputat Prim Ministru Malti Ian Borg, li kien iċ-Chairperson tal-OSCE, żar bosta postijiet sabiex jisma dwar l-isfidi. Fost dawn kien hemm l-Ukrajna, il-Balkani u anki l-Armenja u l-Ażerbajġan.
Fil-bidu ta’ Diċembru li għadda, Malta ospitat l-akbar laqgħa internazzjonali, fejn preżenti kien hawn fost oħrajn is-Segretarju tal-Istat Amerikan Anthony Blinken, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Andriy Sybiha u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov.
B’dan tal-aħħar kienet l-ewwel żjara fi stat membru tal-Unjoni Ewropea minndu bdiet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. B’din iż-żjara ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali.
Din il-laqgħa waslet għal ftehim importanti għal din l-organizzazzjoni, hekk kif il-Presidenza Maltija ħalliet struttura permanenti. Dan hekk kif intgħażlu s-Segretarju Ġenerali u d-diretturi responsabbli ta’ din l-organizzazzjoni. 5/6 DEC 2024