Il-kontijiet tad-dawl għall-familji f’Malta huma r-raba’ l-orħos fl-Unjoni Ewropea.
Dan isostnih statistika tal-Eurostat li tispjega kif għas-sena l-oħra kilowatt kull siegħa ta’ elettriku f’Malta kien jiswa ftit iktar minn 13-il ċentenżmu, ferm inqas mill-medja Ewropea li hija ta’ iktar minn 21 ċenteżmu.
L-ogħla prezz għall-elettriku ġie reġistrat fid-Danimarka fejn ir-rata hija kważi t-triplu ta’ dak f’Malta.
Il-Eurostat jgħid ukoll li Malta qabżet il-medja Ewropea fl-użu tal-enerġija rinovabbli minn sorsi ta’ sħana u kesħa.
Fil-fatt din tlaħħaq il-ftit aktar minn 20%.
Il-Eurostat innota kif din żdiedet sew mill-2004 meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt l-użu ta’ enerġija li tiġġedded fl-2004 kienet biss 1% u fl-2010 kienet ta’ 5.7%.
Anki dwar l-intensità tal-enerġija, pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fejn fuq medda ta’ 10 snin naqqas bin-nofs l-użu tal-enerġija dipendenti miż-żejt u saħħaħ l-effiċċjenza fl-enerġija.
Fil-fatt skont dan l-istudju, Malta għandha t-tielet ekonomija effiċċjenti fl-Unjoni Ewropea wara d-Danimarka u l-Irlanda.
Il-Eurostat semma għadd fatturi għall-effiċċjenza fl-enerġija f’Malta fosthom l-investiment li għamlu l-familji f’tagħmir domestiku iktar effiċċjenti fl-użu tal-enerġija u anki inċentivi li ngħataw f’dawn l-aħħar snin favur ġenerazzjoni tal-elettriku b’arja nadifa.