L-istatistika tal-Eurostat turi wkoll li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-prezzijiet medji tal-elettriku fid-djar Ewropej żdidet meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena li għaddiet minn għoxrin għal wieħed u għoxrin ewro għal kull mitt kilo watt hour ta’ enerġija.
Joħroġ ukoll li waqt li l-kontijiet f’Malta baqgħu ma żdiedux, bosta pajjiżi Ewropej għollew it-tariffi tal-elettriku. Fosthom l-Olanda fejn il-familji raw żieda ta’ aktar minn għoxrin fil-mija fil-kontijiet tagħhom tal-elettriku, iċ-Ċiprijotti b’żieda ta’ aktar minn sittax fil-mija, il-Litwanja b’aktar minn erbatax fil-mija u r-Repubblika Ċeka b’żieda ta’ aktar minn tnax fil-mija fil-prezzijiet tal-elettriku.
Fil-fatt il-Eurostat qal li l-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien l-orħos fil-Bulgarija, l-Ungerija, il-Litwanja u f’Malta waqt li l-ogħla kienu fil-Ġermanja, id-Danimarka u l-Belġju.
L-istatistika turi li l-Gvern preżenti raħħas l-elettriku għall-familji b’medja ta’ 23% meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea, id-dawl għola bi tnejn punt ħamsa fil-mija fl-aħħar ħames snin.
Dan wara li bejn l-2008 u l-2013, il-kontijiet tad-dawl kienu għolew bi 68% f’pajjiżna meta madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 26% – jiġifieri l-gvern preċedenti f’Malta kien għolla d-dawl bi kważi tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea.
Konsegwentament, fl-2013 l-elettriku kien jiswa kważi sbatax-il ċenteżmu għal kull kilowatt hour (kWh). Dakinhar il-prezz f’pajjiżna kien it-tlettax l-ogħla madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
B’kuntrast, l-istatistika turi li l-gvern preżenti raħħas l-elettriku għall-familji b’medja ta’ 23%, meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea d-dawl għola b’2.5% fl-aħħar ħames snin. B’dan ir-roħs pajjiżna rebaħ disa’ postijiet fil-klassifika tal-orħos prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa.