Pajjiżna għandu r-raba’ l-irħas prezz tal-elettriku li jħallsu l-familji.
Dan jikkonferma l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT li spjega kif bejn Lulju u Diċembru li għadda, il-familji Maltin u Għawdxin irċievew ir-raba’ l-irħas kontijiet tad-dawl.
Il-prezz medju li Maltin iħallsu għal kull kilowatt t’elettriku huwa ta’ 13-il ċenteżmu.
Dan meta fiż-żona ewro l-prezz huwa tlieta u għoxrin ċenteżmu għal kull kilowatt, jew 77% aktar minn dak li jħallsu l-familji Maltin u Għawdxin.
Kienu biss il-Bulgarija, l-Ungerija u l-Litwanja li għandhom kontijiet tal-elettriku irħas minn Malta.
Dan filwaqt li d-Danimarka, il-Ġermanja u l-Belġju kellhom l-ogħla kontijiet tad-dawl.
L-istatistika tal-EUROSTAT tinnota wkoll kif numru ta’ pajjiżi għandhom iżjed min-nofs il-kont tad-dawl mimli taxxi.
Fost l-oħrajn 64% tal-kont tad-dawl għall-konsumaturi fid-Danimarka huwa taxxa.
Għall-konsumaturi fil-Ġermanja, il-kont tal-elettriku fih 54% minnu taxxa.
Dan għal kuntrarju ta’ Malta, li l-kontijiet tal-elettriku tal-familji fihom biss 6% taxxa.
Dan meta l-medja Ewropea hi li fil-kontijiet ikun hemm 41% f’taxxi.
Fi stqarrija l-Gvern laqa’ din l-istatistika li tikkonferma kemm naqas il-piż tal-kontijiet tal-elettriku mindu kien hemm bidla fil-Gvern, f’Marzu tal-2013.
Il-Gvern qal li fl-2013, l-elettriku kien jiswa sbatax-il ċenteżmu għal kull kilowatt.
Dakinhar il-prezz f’pajjiżna kien it-tlettax l-ogħla madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li pajjiżna, f’ħames snin rebaħ disa’ postijiet fil-klassifika tal-orħos prezzijiet tal-elettriku.
L-istatistika tal-Eurostat tindika li fil-ħames snin qabel il-bidla fil-Gvern il-kontijiet tad-dawl għolew b’68% f’pajjiżna.
Fl-istess żmien madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda ta’ 26% biss.
Dan jikkonferma li l-Gvern preċedenti kien għolla d-dawl bi kważi tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea.
B’kuntrast, il-Gvern preżenti raħħas l-elettriku bi 22% meta fil-bqija tal-Ewropa fl-istess perjodu d-dawl għola b’6%.
Il-Gvern saħaq li d-differenza fil-politika enerġija qed tħalli impatt qawwi fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u r-roħs fl-elettriku huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tat-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna.