Ċifri tal-Eurostat juru li matul l-2017, Malta kellha r-raba’ l-inqas rata ta’ żgħażagħ jaħdmu li kienu f’riskju ta’ faqar.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li matul l-2017, 11 fil-mija taż-żgħażagħ jaħdmu ta’ bejn it-18 u l-24 sena kienu f’riskju ta’ faqar fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Ir-rata f’Malta kienet ta’ ftit aktar minn ħamsa fil-mija, jiġifieri n-nofs tal-medja Ewropea.
L-ogħla rata ta’ żgħażagħ li kienu jaħdmu u kienu f’riskju ta’ faqar fl-2017 ġiet irreġistrata fir-Rumanija b’aktar minn 28 fil-mija. Isegwuhom iż-żgħażagħ fil-Lussemburgu b’20 fil-mija u ż-żgħażagħ Daniżi u Spanjoli b’19 fil-mija.
L-uniċi pajjiżi li kellhom rata inqas minn ta’ Malta kienu l-Finlandja bi ftit aktar minn erbgħa fil-mija, l-Islovakkja bi 3.8 fil-mija u r-Repubblika Ċeka b’wieħed punt ħamsa fil-mija.