Ċifri tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat juru li sal-aħħar ta’ Lulju li għadda, Malta kellha r-raba’ l-inqas rata ta’ qgħad fost it-tmienja u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Għal dawn l-aħħar xhur, Malta baqgħet iżżomm postha fl-ewwel erba’ postijiet fl-istatistika tal-Eurostat għall-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri għal-Lulju juru li r-rata ta’ persuni jfittxu x-xogħol f’Malta kienet ta’ 3.4%. Kienu biss il-Polonja, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka li kellhom rata ta’ qgħad ftit inqas minn ta’ Malta.
Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet ukoll 0.4% inqas minn kemm kienet fl-istess xahar is-sena l-oħra u n-nofs tal-medja tal-Unjoni Ewropea li kienet ta’ 6.3 %.
F’dak li huwa qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena, Malta b’9.8% kellha sitt l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi Ewropej. L-istatistika tal-Eurostat turi li kważi 40% taż-żgħażagħ Griegi huma bla xogħol, segwiti miż-żgħażagħ Spanjoli b’aktar minn 32% u ż-żgħażagħ Taljan b’rata ta’ qgħad li tlaħħaq kważi d-29%.
Ir-rata medja ta’ qgħad fil-pajjiżi li għandhom il-munita ewro f’Lulju kienet ta’ 7.5% filwaqt li kienet ta’ 6.3% fit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea fejn ftit aktar minn 15-il miljun u 600,000 ruħ jinsabu bla xogħol.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo laqa’ din l-istatistika u qal li l-ikbar sfida li għandu pajjiżna llum mhux il-qgħad, iżda n-nuqqas ta’ nies biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu. Fl-istess waqt qal li għandna l-inqas rata ta’ qgħad fost il-Maltin minn kemm ilha tinġabar l-istatistika.
Il-Ministru għax-Xogħol, Evarist Bartolo stqarr li “Aħna rridu naħdmu fuq żewġ fronti. Inkomplu niżguraw it-tkabbir ekonomiku qawwi u ħolqin tax-xogħol għax il-kwalità tal-ħajja tal-persuni tiddependi minn kemm għandhom xogħol u minn kemm jaqilgħu u min-naħa l-oħra niżguraw li l-ħolqien tax-xogħol iġib miegħu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol”.
Minkejja dawn ir-riżultat, il-Ministru Bartolo saħaq fuq l-importanza li nkomplu ntejbu l-kundizzjonijet tax-xogħol.
Il-Ministru Bartolo temm jgħid li “Aħna nieħdu gost naraw min jinvesti jagħmel il-qligħ imma importanti għalina wkoll li min jaħdem ikollu kundizzjonjiet tax-xogħol diċenti.