Matul l-2018, Malta kellha r-raba’ l-ogħla nefqa għall-protezzjoni ambjentali.
Dan joħroġ minn ċifri ppubblikata mill-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea li juru li matul l-2018, is-sebgħa u għoxrin pajjiż membru Ewropew nefqu €106 biljun tan-nefqa tagħhom fuq il-ħarsien ambjentali ta’ pajjiżhom.
Dan kien jirrappreżenta 1.7% tan-nefqa totali tal-gvernijiet li kienet tfisser ukoll 0.8 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
Il-Eurostat qal li b’mod ġenerali, in-nefqa ġenerali tal-gvernijiet Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent baqgħet fl-istess ilma li kienet fl-2001.
Miċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ ukoll li l-Olanda twettaq l-ikbar nefqa fl-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni ambjentali. Dan il-pajjiż kien segwit mill-Belġju, il-Greċja u Malta.
Fil-fatt il-Eurostat żied jgħid li n-nefqa għall-protezzjoni ambjentali meta mqabbla mal-Prodott Domestiku Gross kienet tvarja minn 0.2% fil-Finlandja, 0.3 fil-mija f’Ċipru u fil-Litwanja, 0.4% fid-Danimarka, l-Irlanda, l-Ungerija u l-Awstralja għal 1.2% tal-ġid nazzjonali f’Malta, 1.3% fil-Belġju u l-Greċja u l-Olanda b’1.4%.