Ċifri tal-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea juru li bejn Jannar u Marzu li għadda Malta flimkien mal-Olanda kellha l-akbar surplus fil-finanzi tal-Gvern fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri juru li bejn fl-ewwel tliet xhur tas-sena, il-Gvern kellu surplus ta’ 2.5 fil-mija fil-finanzi tiegħu waqt li l-medja tal-unjoni ewropea kienet defiċit ta’ 0.5 fil-mija.
Malta kienet fost għaxar pajjiżi mit-tmienja u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea li kellhom surplus.
L-istatistika tal-Eurostat turi titjib fil-qagħda finanzjarja tal-Gvernijiet Ewropej hekk kif fl-ewwel tliet xhur tas-sena, l-iżbilanċ fit-28 pajjiż membru kien ta’ 0.5 fil-mija u ta’ 0.1 fil-mija fil-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Fi statistika oħra tal-Eurostat dwar id-dejn tal-Gvernijiet tal-Unjoni Ewropea jingħad li Malta kellha r-raba’ l-akbar rata ta’ tnaqqis fid-dejn tal-Gvern wara Ċipru, l-Irlanda u l-Kroazja.
Fil-fatt iċ-ċifri juri li dejn ta’ Malta niżel b’aktar minn sitta fil-mija minn ħamsa u sittin punt sitta fil-mija fl-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet għal ħamsin punt erbgħa fil-mija fl-ewwel kwart tas-sena.
Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ li d-dejn tal-gvernijiet fit-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropej kien f’livell ta’ 81.5 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.
L-Eurostat iżda osserva li mqabbel mal-ewwel tliet xhur tas-sena li għaddiet, tnax-il pajjiż Ewropea rreġistra żieda fid-dejn bl-akbar żieda fid-dejn tkun fil-Belġju, fil-Greċja u fl-Italja.
B’reazzjoni l-Gvern qal li r-riżultat li kiseb pajjiżna kien it-tieni l-aqwa riżultat fiskali li qatt ġie osservat f’dan il-kwart tas-sena mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Dan wara sensiela ta’ defiċits qawwija, tant li fl-aħħar kwart tal-2012 kien ġie osservat defiċit ta’ 4.6% tal-ġid nazzjonali.
Sostna li minbarra li pajjiżna għandu l-aqwa surplus fiskali fl-Unjoni Ewropea għandu l-inqas rata ta’ dejn nazzjonali sa mill-1998 ’l hawn. Qal li bis-saħħa ta’ dawn ir-riżultati l-Gvern jista’ jkompli jadotta politika ta’ investiment ekonomiku u soċjali li biha jista’ jibni Malta ta’ għada.