Malta kellha l-aktar rata baxxa ta’ omiċidji fl-Unjoni Ewropea, b’ċifra ta’ 0.37 għal kull 100,000 persuna. Dan ħareġ skont l-aħħar statistika ppubblikata mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
L-istudju tal-Eurostat jinkludi 41 pajjiż fil-kontinent Ewropew, inkluż is-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Bl-unika pajjiż li kellu rata inqas minn Malta kien il-Liechtenstein, li għandu popolazzjoni ta’ madwar 40,000 ruħ u mhuwiex membru tal-Unjoni Ewropea.
L-istudju huwa bbażat fuq statistika tal-2023, li kkonfermat li f’dik is-sena, Malta esperjenzat żewġ reati ta’ omiċidju – dak ta’ Pelin Kaya ta’ 30 sena li nqatlet minn Jeremie Camilleri fil-Gżira fit-18 ta’ Jannar 2023, u f’Ottubru, l-omiċidju doppju ta’ Carmen Abela u Joe Bartolo. Skont il-Eurostat, omiċidju doppju jgħodd daqs wieħed.
Minn dan l-istudju ħareġ ukoll li Malta kienet l-aktar pajjiż sigur fl-Unjoni Ewropea, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ omiċidji fl-2023 minn kull sena oħra minn mindu bdew jinġabru l-istatistiċi fl-2008.
B’kuntrast, l-agħar sena għar-rata ta’ omiċidji f’Malta kienet fl-2012, meta laħqet rata ta’ 2.79, b’total ta’ 12-il omiċidju, inkluż żewġ omiċidji doppji.
Il-Latvja rreġistrat b’mod sinifikanti l-ogħla rata ta’ omiċidji intenzjonati, b’rata ta’ 4.2 għal kull 100,000 persuna, segwita mill-Litwanja b’2.41, u l-Belġju b’1.38.
L-Italja u l-Iżvizzera segwew qrib lil Malta b’rati simili u baxxi ta’ reati, b’total ta’ 21 pajjiż li kellhom rata per capita inqas minn wieħed.
Sadanittant, filwaqt li kienet fin-nofs fil-klassifika ta’ omiċidji, l-Iżvezja kienet fuq nett fil-lista ta’ attentati ta’ omiċidju intenzjonat, b’rata ta’ 12.63 għal kull 100,000 persuna – darbtejn dik tal-Finlandja li kienet fit-tielet post b’6.38 u żewġ punti ’l fuq mill-Belġju, li kien fit-tieni post b’10.55.