Malta għandha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Statistika tal-EUROSTAT wriet li f’Jannar li għadda, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kienet ta’ tliet punt erbgħa fil-mija.
Dan ifisser li kienet erbgħa fil-mija inqas mill-medja Ewropea.
Kienu biss ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, l-Olanda u l-Ġermanja li ġew qabel pajjiżna, filwaqt li l-aktar pajjiżi b’rata ta’ qgħad għolja kienu l-Greċja, Spanja, l-Italja u Franza.
Fil-fatt l-ogħla rata ta’ qgħad fi stat membri laħħqet is-sittax punt ħamsa fil-mija.
Intant statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika write li fir-raba’ kwart tas-sena l-oħra, id-dħul industrijali żdied b’wieħed punt sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
L-NSO qal li bejn Ottubru u Diċembru li għadda kien hemm żieda t’għaxra fil-mija fl-affarijiet li jinxtraw mill-konsumaturi u żieda ta’ wieħed fil-mija fix-xiri tat-tagħmir għall-industrija tal-manifattura.
L-istatistika spjegat ukoll li l-pagi industriali żdiedu b’wieħed punt tlieta fil-mija.