Malta ġiet ikkonfermata bil-ħames l-inqas prezzijiet tal-elettriku għall-familji fl-Ewropa kollha, skont stħarriġ ippubblikat il-Ġimgħa filgħodu.
Il-Household Energy Price Index, miġbur minn Energie-Control fl-Awstrija, MEKH u VaasaETT, jipprovdi l-aktar informazzjoni aġġornata dwar ħlasijiet għall-prezzijiet tal-elettriku u l-gass fi 33 pajjiż Ewropew.
Skont dan l-indiċi, il-ħlas f’Malta ta’ 12.3 ċenteżmi għal kull kilowatt fis-siegħa, hu orħos minn dak ta’ 28 pajjiż ieħor. Minbarra hekk, dan hu nofs il-prezz medju fost is-27 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, li hu ta’ 25.5 ċenteżmi għal kull kilowatt fis-siegħa.
Mill-pajjiżi kollha, il-Ġermanja għandha l-ogħla prezz b’40.4 ċenteżmu kull kilowatt fis-siegħa, segwita mill-Belġju, id-Danimarka, l-Ingilterra u l-Iżvizzera.
L-uniċi prezzijiet orħos minn dawk f’Malta huma f’pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa, jiġifieri l-Montenegro, is-Serbja, l-Ukrajna u l-Ungerija.
Tali kontijiet tal-enerġija għandhom rwol kruċjali fil-baġits tal-familji, ladarba fl-2023 ġie stmat li dawn ilaħħqu għal 5.5% tan-nefqa sħiħa tal-familji fl-Unjoni Ewropea. Dan hu partikolarment sinifikanti għall-familji bi dħul baxx, peress li jridu jallokaw sehem akbar mill-baġit tagħhom għall-ispejjeż tal-enerġija.
Grazzi għall-għaqal tal-Gvern Laburista f’pajjiżna, il-kontijiet tal-elettriku, flimkien ma’ dawn tal-gass u l-fuels mill-pompi tal-petrol, baqgħu l-istess kif kienu qabel il-kriżi tal-enerġija bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna kważi tliet snin ilu.
Fil-Parlament, il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll semma kif, sal-bidu ta’ din is-sena, il-Gvern kien alloka €875 miljun f’sussidji biex il-familji u n-negozji ma jiġux mgħobbijin b’piżijiet esaġerati.
Dan hu kompletament bil-maqlub ta’ dak li seħħ taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista li, fil-kriżi ferm iżgħar tal-2008, kien spiċċa jimponi l-agħar kontijiet possibbli u anke bl-akbar żieda rreġistrata fl-Ewropa, skont il-Eurostat.
Fl-istess ħin, kien ftaħar li vvota “bil-qalb kollha” fil-Parlament biex il-kontijiet ma jorħsux u nsista li kellna nidrawhom.