Għall-Ewropa dan għandu jkun perjodu ta’ riflessjoni u ta’ azzjoni dwar il-futur tagħha u l-Presidenza Ewropea ta’ Malta se tagħtina ċ-ċans nibgħatu sinjal qawwi ta’ Ewropa għan-nies.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fi stqarrija ministerjali dwar il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ l-ġimgħa li għaddiet fejn prinċiparjament kien diskuss Brexit.
Muscat qal li d-diskussjoni bejn il-mexxejja Ewropej kienet xaqq ta’ tama li l-Ewropa tista’ tinbidel minn waħda li tidher elitista u tal-ftit għal Ewropa li tiddiskuti affarijiet li vera jolqtu lin-nies Ewropej.
Stqarr li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel dan mill-iktar fiss, speċjalment meta affaċjata b’ possibilità ta’ tluq ta’ pajjiżi oħra fosthom l-Awstrija fejn inġabru biżżejjed firem biex issir diskussjoni fil-parlament dwar referendum ta’ tluq mill-Unjoni.
Il-Prim Ministru nnota kif mill-bidu tal-Kunsill Ewropew sa tmiemu nbidlet l-attitudni tal-mexxejja Ewropej għall-aħjar u li issa kollha waslu għal pożizzjoni li ħadet Malta sa mill-bidu, dik li r-Renju Unit jingħata ftit ċans jagħżel Prim Ministru ġdid u jiddeċiedi x’relazzjoni jrid mal-Unjoni Ewropea. Stqarr li spiċċa d-diskors ta’ għaġġla biex jiskatta l-Artiklu 50 u li b’hekk il-mexxejja setgħu jiddiskutu b’aktar sens.
Joseph Muscat saħaq li kien hemm qbil ċar li kwalunkwe ftehim li jista’ ikun hemm mar-Renju Unit għandu jkun inferjuri għal sħubija u li ma jistax jingħata aċċess għas-suq waħdieni mingħajr ma jkun hemm libertajiet oħra li tipprovdi l-Unjoni Ewropea.
Dwar il-Presidenza Ewropea qal li ma ttiħditx deċiżjoni finali dwar x’se jsir fis-sitt xhur tal-Presidenza li suppost kellu jagħmel ir-Renju Unit. Reġa’ tenna li Malta tippreferi kieku ma ttawwalx il-Presidenza tagħha għaliex din tista’ tkun sfida diplomatika u sfida bla preċedent għas-settur pubbliku malti li jispiċċa jġebbed ir-riżorsi li għandna.
B’hekk il-preferenza tagħna hija li l-Estonja tassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel iż-żmien. Jekk ma jkunx hemm qbil ma kulħadd li dan isir, Joseph Muscat qal li pajjiżna lest li jasal għal xi forma ta’ kompromess jekk Malta tingħata sostenn finanzjarju.
Fl-aħħar nett qal li Malta hija waħda mill-pajjiżi li ma taqbilx ma bidliet fit-Trattati eżistenti.