Malta qed taddotta strateġija li biha tniġġes inqas f’bosta oqsma fosthom fit-trasport, fl-amministrar tal-iskart u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Hekk sostna l-Prim Ministru Malti Robert Abela fl-indirizz li għamel fis-sitta u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
F’messaġġ fil-fora internazzjonali li fiha jitkellmu l-mexxejja tal-pajjiżi kollha tad-dinja, il-Prim Ministru ta’ Malta ddedika parti mid-diskors tiegħu dwar it-tibdil fil-klima.
Saħaq li pajjiżi żgħar bħal Malta għandhom sfidi akbar biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
Kien hawn li semma li pajjiżna, bħala membru prospettiv fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-elfejn u tlieta u għoxrin, u l-elfejn u erbgħa u għoxrin, se jimbotta iżjed ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà.
Dan għaliex it-tibdil fil-klima qed thedded l-eżistenza ta’ ċertu pajjiżi.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “As political leaders, the major responsibility falls upon us but we must engage with the private sector, academia and entities from all walks of life to stop human induced climate change and seek solutions to adapt to its negative repercussions after we have done all we can to mitigate it.”
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jitkellem ukoll dwar il-pandemija u kif issa d-dinja għandha tħares lejn l-irkupru minn kriżi globali fis-settur tas-saħħa u fl-ekonomija.
Semma li Malta laqqmet mal-wieħed u disgħin fil-mija tal-popolazzjoni u rrimarka kif pajjiżi milquta mill-gwerra u l-faqar għad m’għandhomx il-popli tagħhom protetti biżżejjed: “The height of the pandemic necessitated unprecedented sacrifice and restrictions that affected our freedom of movement, severely disrupted the education of children and young people, left millions jobless, and isolated the most vulnerable around the world. Yet this experience also taught us that we could defeat hopelessness by supporting each other, by pooling our knowledge base, our scientific research and by offering humanitarian support.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi li Gvern immexxi minnu wettaq kontra l-kriminalità finanzjarja u t-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet importanti permezz ta’ żieda fir-riżorsi.
Dr Abela semma li l-vuċijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ huma importanti wkoll biex jikkontribwixxu għall-paċi.
Hawnhekk semma s-sitwazzjoni fl-Afganistan u kif il-liġi internazzjonali li tirrispetta d-drittijiet tan-nisa għandha tiġi mħarsa.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-kunflitt fis-Sirja u aċċenna fuq il-protezzjoni tat-tfal.
Huwa għalaq l-indirizz billi tenna li Malta bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, taħdem qatigħ bħala stat newtrali favur il-paċi u l-progress soċjali madwar id-dinja: “Malta stands united with the international community to build a better world, where understanding and cooperation are at the heart of our policies and the work we do on the ground. Where we work together in a unified and multilateral manner. Our citizens, and our children who will inherit the world after us, truly deserve it.”