Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti Ian Borg f’telefonata mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dymtro Kuleba talab sabiex il-President Ukren jikkunsidra li jindirizza lill-Parlament Malti.
Il-Ministru Ian Borg qal dan fuq il-midja soċjali, fejn qal kif din it-talba kienet apprezeta u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren wiegħed lil Borg li se jirrakomanda sabiex dan isir.
Intqal kif il-Gvern Ukren huwa grat lejn Malta minħabba l-għajnuna li qed jagħti pajjiżna, fosthom dik umanitarja, l-interventi mediċi u anki li pajjiżna qed jilqa’ r-refuġjati Ukreni.
Il-Ministru Borg qal kif Malta hija b’mod sħiħ parti mis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja mill-Unjoni Ewropea.
Intqal kif il-Ministru Ukren fehem perfettament għaliex Malta sa issa għadha ma keċċietx diplomatiċi Russi u dan minħabba ċ-ċokon tal-Ambaxxata Maltija f’Moska.
Aktar tard il-Ministru Ukren kiteb fuq Twitter dwar it-telefonata li kellu mal-Ministru Borg.
Spoke with my Maltese counterpart @followianborg. Grateful to Malta for supporting five previous rounds of EU sanctions on Russia. I stressed that the sixth EU sanctions package must necessarily include an oil embargo on Russia.
— Dmytro Kuleba (@DmytroKuleba) April 18, 2022