Meta kien qed jindirizza l-laqgħa annwali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-57 pajjiż tal-OSCE, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, li qed titlaqqa’ f’dawn il-jumejn f’Malta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u Chairperson tal-OSCE Ian Borg qal Malta għandha rwol kruċjali biex isservi bħala difensur tal-paċi u d-djalogu, l-istess bħalma għamlet 35 sena ilu meta sar is-summit storiku bejn Bush u Gorbachev għat-tmiem tal-gwerra bierda.
Dr Borg qal li Malta qed tospita din il-laqgħa importanti f’dawn il-jumejn, li taħbat it-tielet waħda tal-OSCE mindu bdiet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Spjega kif iċ-ċirkustanzi ftit li xejn inbidlu f’dawn is-snin mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, bis-sitwazzjoni qed tiddeterjora kull ma jmur, u qed tiżdied l-inċertezza fir-reġjun minħabba l-mod kif qed tiżviluppa din il-gwerra.
Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li matul din il-31 laqgħa ministerjali tal-OSCE iridu jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali matul dawn il-jumejn biex l-OSCE tkun iktar sostenibbli, effettiva u reżiljenti għaż-żminijiet li ġejjin.
Il-President għall-Assemblea Parlamentari tal-OSCE Pia Kauma qalet li l-OSCE trid tiżgura li din l-organizzazzjoni tkompli tenfasizza fuq il-paċi u r-rieda tan-nies. Spjegat kif l-isfida ewlenija għall-OSCE bħalissa hija l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u saħqet li jeħtieġ li din l-organizzazzjoni tissalvagwardja l-paċi u l-istabilita’ fid-dinja.
Tkellmet ukoll dwar funzjoni oħra importanti li għandha l-OSCE li twettaq monitoraġġ tal-elezzjonijiet biex ir-riżultat ikun jirrifletti r-rieda tal-elettorat. Kauma sostniet li matul din is-sena ntbagħtu mal-500 osservatur biex jaraw li l-proċess elettorali f’pajjiżi varji rrispetta l-prinċipji demokratiċi.