Pajjiżna se jibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan fil-Medda ta’ Gaza. Dan permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li se jkun qed jibgħat provvisti tal-ikel, ilma u mediċini għall-poplu li bħalissa qed jiffaċċja diffikultajiet kbar biex jaċċessa dawn ir-riżorsi importanti.
Żaru dawn it-tħejjijiet fl-istazzjon tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Ħal Far il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.
Dr Abela u l-Ministru Camilleri ngħataw tagħrif kif permezz tal-ftehim tal-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili, Malta se tagħti l-għajnuna biex ikun assigurat li din tispiċċa għand il-poplu Palestinjan f’Gaza.
Il-Prim Ministru rrimarka kif ma’ din l-għajnuna tant meħtieġa, Malta tibqa’ tkun vuċi favur id-djalogu u l-paċi u tenna l-pożizzjoni ta’ pajjiżna favur waqfien mill-ġlied b’mod permanenti. Qal li dik il-vuċi nibqgħu nwassluha f’kull fora lil hinn minn xtutna għax twassal il-ġid għall-umanità.
F’Ħal Far qabel titlaq l-għajnuna lejn Gaża, il-Prim Ministru faħħar id-dedikazzjoni fil-ħidma murija mill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li għal darba oħra qed juru dak li jiddefinixxi lil Malta.
Il-Ministru Camilleri qal li pajjiżna se jibqa’ jkun solidali ma’ popli oħra fi żmien diffiċli mhux biss kif sar permezz ta’ operazzjonijiet barra minn pajjiżna minn uffiċjali Maltin fit-Turkija, fil-Greċja u fil-Libja, iżda wkoll b’għajnuna mibgħuta kif se jseħħ issa. Il-Ministru Camilleri temm jgħid li Malta se tibqa’ tkun l-għodda għall-paċi u għall-għajnuna umanitarja u mhux għall-gwerra.
Qal, “Inti minn pajjiż daqshekk ’il bogħod tagħmel ħiltek biex, mingħajr ma taf lil min qed tibgħat għajnuna, ikel u mediċina lill-persuni li għandhom bżonn.”
Preżenti kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Palestinjan għal Malta, li rringrazzja lill-Gvern Malti tal-kontribut tiegħu mhux biss favur il-paċi iżda wkoll f’għajnuna umanitarja u solidarjetà.
Qal, “As you know Malta has been a supporter of justice and of peace and of implementing United Nations’ resolutions when it comes to Palestine, and this shows in another way how the people still support justice, still supporting people in Palestine and still calls for ceasefire now and hopefully will implement our international dependent Palestinian state.”