Fl-2016, Malta għamlet passi kbar biex tnaqqas l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa tant li ġiet ikklassifikata bħala l-ħames l-inqas pajjiż Ewropew li fih ma nġabritx it-taxxa tal-VAT. Dan wara li skont il-Kummissjoni Ewropea, Malta rnexxielha tkompli ttejjeb ir-rata tal-ġbir tat-taxxa tal-VAT.
Ir-rapport li jagħmel evalwazzjoni dwar il-ġbir tal-VAT fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea juri li madwar €200 miljun f’taxxi li kienu jintilfu f’Malta, illum qegħdin jinġabru bis-saħħa ta’ riformi leġislattivi u ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea juri li Malta għamlet progress kbir u naqqset id-differenza b’madwar 90 fil-mija.
Mir-rappart tal-Unjoni Ewropea joħroġ li bejn l-2012 u l-2016, l-awtoritajiet Maltin naqsu r-rata minn 35 fil-mija fl-2014 għal 2.7 fil-mija.
Il-mekkaniżmu li kienet tuża Malta biex tiġbor it-taxxa tal-VAT kien meqjus bħala wieħed mill-aktar ineffiċjenti fost il-pajjiż kollha tal-Unjoni Ewropea. Mekkaniżmu li kien qiegħed iċaħħad lit-taxpayers Maltin minn miljun kbar ta’ ewro fis-sena.
Fil-fatt ir-rapport juri li 35 fil-mija tad-dħul dovut mit-taxxa tal-VAT fl-2014 ma kienx qiegħed jinġabar bil-kummissjoni ewropea tistma li ntilfu madwar €240 miljun ewro.
Madankollu skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar taxxa tal-vat mhux miġbura, jirriżulta li r-rata ta’ VAT li ma nġabritx naqset b’madwar 90 fil-mija matul l-2016.
Il-Kummissjoni Ewropea li nnotat li matul l-2016, Malta kellha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, attribwiet dan it-tnaqqis pożittiv għal bidliet li daħlu fis-seħħ dwar il-ġbir tat-taxxa tal-VAT.