L-inizjattivi li ħadet Malta fl-aħħar snin fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi wasslu sabiex pajjiżna kien ir-raba’ l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li għamel progress lejn ugwaljanza sħiħa bejn l-2015 u l-2017 u fost l-aqwa 10 mill-2005 ‘il quddiem, b’ritmu pożittiv li jiżboq il-medja Ewropea.
Dan joħroġ mill-Indiċi tal-Istitut Ewropew li jaħdem favur l-ugwaljanza bejn is-Sessi li jikklassifika l-ugwaljanza f’6 oqsma ewlenin bħax-xogħol, l-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju, ir-rappreżentanza fl-istrutturi tal-poter, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u s-saħħa.
Fil-fatt, il-progress ta’ Malta jiżboq il-medja Ewropea fl-oqsma kollha, għajr dak tal-poter, u għalhekk l-ammont baxx ta’ nisa fil-politika u f’pożizzjonijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, u fil-ftit ħin li jkollhom biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ divertiment bħall-isports u xogħol volontarju.
L-indiċi juri li Malta qadfet ħafna fil-qasam tax-xogħol, b’titjib ta’ 12.5% bejn l-2005 u l-2017.
Titjib riżultat tal-politika tal-Gvern biex aktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol. Miżuri bħas-servizz taċ-childcare b’xejn u t-twaqqif tal-Fond tal-Leave tal-Maternità waslu għal żieda ta’ 25,000 mara fis-suq tax-xogħol bejn l-2012 u l-2018, biex illum għandna 63% tan-nisa jaħdmu.
Dan wassal biex in-nisa Maltin raw ir-raba’ l-ogħla titjib fid-dħul finanzjarju tagħhom, bi progress qawwi ta’ aktar minn 12% bejn l-2005 u l-2017.
Iżda minkejja dan il-progress, id-diskrepanza fil-pagi tibqa’ problema komuni fl-Unjoni Ewropea, u hija l-aktar għolja fost il-ġenituri. Il-medja Ewropea f’dan ir-rigward hija ta’ 16%, waqt li f’Malta hija ta’ 12%.
Ir-rapport juri wkoll li Malta kważi kisbet punti massimi fil-qasam tas-saħħa u ġiet ikklassifikata fit-tielet post. Fil-fatt in-nisa Maltin jiġu minn ta’ quddiem sew fil-qagħda ta’ saħħithom u fl-aċċess li għandhom ghas-servizzi tas-saħħa.
B’reazzjoni għall-aħħar indiċi, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza saħaq li l-ugwaljanza sħiħa hija prijorità assoluta u ġedded l-impenn tiegħu li jindirizza l-inugwaljanzi li jippersistu fis-soċjetà tagħna.
“Ċertament baqa’ xi jsir għamilna ħafna se nitlob għajnuna tal-Ministri kollegi għax dan hu suġġett orizzontali irrid il-kabinett jgħini u lill-Prim Ministru jgħin biex l-ugwaljanza tkun kullimkien u f’kull aspett”, stqarr il-Ministru Zammit Lewis.
F’dan ir-rigward, Dr Zammit Lewis esprima d-determinazzjoni tiegħu li jaħdem id f’id mal-Kummissarju-elett Dr Helena Dalli biex l-aġenda ambizzjuża tal-President-elett tal-Kummissjoni Ewropea tassew tissarraf f’ugwaljanza sħiħa għal kulħadd u f’kull aspett.