Is-settur tat-turiżmu hu pedina essenzjali mill-ekonomija ta’ Malta, mhux wisq inqas għar-Repubblika tal-Korea. Kien għalhekk li, waqt żjara uffiċjali tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg f’Seoul, fir-Repubblika tal-Korea, ġie iffirmat ftehim ta’ koperazzjoni mal-Ministru għall-Kultura, Sport u Turiżmu Yu Inchon, biex ikun hemm qafas li, permezz tiegħu, iż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jikkoperaw aħjar f’dan is-settur importanti.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ hekk kif ġie spjegat li, permezz ta’ dan il-ftehim, se tkun qed tinħoloq ekosistema li tiffaċilita l-koperazzjoni turistika u b’hekk ikun hemm aktar skambji turistiċi.
Intqal ukoll kif, bil-ftehim, ikun hemm aktar skambju ta’ statistiċi u pubbliċità, fost oħrajn, filwaqt li tkun imħeġġa l-parteċipazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi f’fieri importanti.
Se jkun qed jiġi ffaċilitat u mħeġġeġ ukoll biex individwi li jiffokaw fuq il-promozzjonijiet turistiċi jkunu jistgħu jżuru ż-żewġ pajjiżi rispettivi u jippromwovu dak offrut mill-istati.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Borg sostna li hu essenzjali li Malta tħares lil hinn mis-suq tradizzjonali Ewropew, iżda wkoll tkompli tkabbar il-potenzjal tagħha billi tiftaħ għal swieq li huma ’l bogħod minn xtutna u li qed ifittxu xi ħaġa ġdida.
“Iffirmajt il-ftehim ta’ kollaborazzjoni fis-settur turistiku mal-Ministru responsabbli mit-turiżmu, il-kultura u l-isports. Iddiskutejna l-kollaborazzjoni wkoll fuq żgħażagħ li jkunu jixtiequ jiġu f’pajjiżna jistudjaw il-lingwi b’mod partikolari l-Ingliż.”
Ian Borg qal li n-numru ta’ viżitaturi mir-Repubblika tal-Korea huma diġà inkoraġġanti u jemmen li, permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun qed isir aktar titjib. Hu kompla jgħid kif it-turist Korean hu wieħed ta’ kwalità u jeħtieġ li, bħala pajjiż, inkomplu ninvestu fih biex naraw li dan is-settur ekonomiku jkompli jimraħ u jħalli r-riżultati.