Malta uffiċjalment hija d-destinazzjoni uffiċjali tal-ikbar klabb tal-futbol fid-dinja, Manchester United.
Sħubija bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna, li se tara lil Malta, il-Maltin u t-tradizzjonijiet tagħna jkunu rriklamati u mxandra bi prominenza waqt il-logħbiet tal-United fl-istadium ta’ Old Trafford li jesa’ iktar minn 75,000 persuna, fir-rivisti tal-klabb kif ukoll fuq is-sit u l-istazzjon televiżiv tal-klabb u l-applikazzjoni tal-mobajl.
Din is-sħubija għal perjodu ta’ tliet snin tħabbret uffiċjalment fil-kumpless tat-taħriġ tal-United f’Carrington, fil-preżenza tal-leġġenda tal-United Bryan Robson, il-plejers tal-United Juan Mata, Andreas Pereira u Phil Jones, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, iċ-chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia kif ukoll diversi membri tal-klabb tas-sapporters tal-United f’Malta.
Sean Jefferson, direttur tal-partnerships ta’ Manchester United, spjega li l-klabb huwa segwit minn iktar minn biljun persuna, jigifieri wieħed minn kull seba’ persuni fid-dinja.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi spjega li sħubija bħal din ma’ Manchester United għandha l-għan li tittrasforma s-settur turistiku lokali.
“Ħassejna li kellna nippartnerjaw mal-aqwa fid-dinja u għalhekk għażilna l-Manchester United, brand li għandha reach ta 1.1 billion people madwar id-dinja kollha. Se jkollna l-plejers tal-current squads u l-legends li se jgħinuna bil-marketing u se naħdmu flimkien fuq pjan biex niftħu swieq ġodda għal Malta, fosthom l-Amerka, South Korea, il-Ġappun u ċ-Ċina.” Stqarr il-Ministru Mizzi.
Malta u dak li għandha x’toffri se jkunu qegħdin jissemmew bi prominenza f’pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Asja.
Dr Mizzi saħaq li dawn huma l-pajjiżi fejn Manchester United għandhom saħħa tremenda kemm bħala sapport għall-klabb kif ukoll dik ta’ marketing u għalhekk il-mira ewlenija ta’ dan il-ftehim hi li ssir ħidma biex minn dawn il-pajjiżi jitkattar iżjed turiżmu ta’ kwalità kif ukoll iżjed investiment.
Dr Gulia spjega li permezz ta’ dan il-ftehim mal-United, qiegħed jitqarreb ukoll l-aċċess għall-klabb lejn il-Maltin.
“Din hija opportunita ukoll sabiex il-Maltin u l-Għawdxin jissapportjaw lil Manchester United iżda mhux biss supporters ta’ klabbs oħra ċert li jieħdu pjaċir b’din l-inizjattiva għax qed inġibu lejn Malta wieħed mill-ikbar klabbs tad-dinja.” Ikkonkluda Gavin Gulia.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu Ronald Mizzi fisser kif mid-diskussjonijiet ma’ Manchester United, ħareġ biċ-ċar is-saħħa tal-United bħala brand madwar id-dinja kollha.
“Dan jagħtina ċ-ċans li nilħqu fruntieri ġodda u li nippenetraw swieq li waħedna ftit li xejn nistgħu nagħmlu ħoss fihom. Bħala Ministeru għat-Turiżmu, it-turiżmu nqisuh bħala enabler għall-bqija tal-ekonomija u għaldaqstant hu importanti ħafna li l-brand Malta nibqgħu nsaħħuha dejjem aktar,” qal is-Sur Mizzi.