Fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, it-Tlieta filgħodu ġie ffirmat l-ewwel shore power agreement fir-reġjun tal-Mediterran mal-kumpanija rinomata Carnival Corporation & PLC, li topera l-ġiti bil-cruiseliners permezz ta’ P&O Cruises.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Transport Malta se tkun qed tissupplixxi l-enerġija lill-cruiseliners tal-kumpanija permezz tal-investiment bla preċedent tax-shore-to-ship.
Inizjattiva, li mistennija tkompli ttejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tal-arja fil-Port il-Kbir, b’benefiċċju dirett għall-eluf ta’ residenti u viżitaturi. Dawn jġibu magħhom wkoll effetti ekonomiċi sostanzjali.
Il-Prim Ministru Abela spjega li l-cruiseliners jikkontribwixxu madwar €88 miljun fis-sena għall-ekonomija ta’ Malta, bi kważi €40 miljun iġġenerati direttament mill-passiġġieri waqt iż-żjarat tagħhom. Saħaq li dan il-ftehim jfisser ħafna aktar milli sempliċiment Malta tkun qed timxi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Il-ftehim mal-kumpanija jkompli jibni fuq passi oħrajn u juri fid-deher il-viżjoni ta’ Malta li ssir ċentru għall-innovazzjoni ekoloġika, billi tintegra sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħax-xemx u r-riħ, mal-enerġija mix-xatt għall-vapuri.
“Bl-użu tal-qawwa tax-xemx u l-baħar, mhux biss qed innaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll qed nippożizzjonaw lil Malta bħala eżempju tal-progress ekoloġiku li jista’ jkollna fil-Mediterran”, stqarr il-Prim Ministru.
Tenna li l-investiment fi prattiċi sostenibbli ma jsirx biss għax konvinti minnu moralment, iżda wkoll għax hemm vantaġġi kompetittivi. Malta qed tippożizzjona ruħha bħala eżempju ta’ pajjiż fil-Mediterran li qed jirnexxielu jattira l-investiment, joħloq xogħol ta’ kwalità u jassigura prosperità fit-tul.
Il-Prim Ministru enfasizza kif is-sinerġiji li hemm f’dan il-proġett huma eżempju tanġibbli ta’ x’tista’ tikseb il-Viżjoni Malta 2050.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, qal kif kburin Kburin li din il-bidla qegħdin nagħmluha ħames snin qabel dak mitlub minnha mill-Unjoni Ewropea.
Għal dan l-iffirmar attendiet ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.
Il-President tal-kumpanija, Paul Ludlow, qal li, permezz ta’ dawn l-azzjonijiet u r-relazzjoni kontinwa tagħhom, se jiżguraw li l-cruiseliners tagħhom f’Malta jkomplu joħolqu ġid kemm finanzjarju, imma anke dak soċjali. Dan filwaqt li jipproteġu l-kultura u l-istorja lokali u jieħdu ħsieb l-ambjent naturali.
Carnival UK & P&O Cruises iffirmaw il-ftehim f’isem Carnival Corporation & plc, li ħafna mid-disa’ linji tal-cruises fosthom P&O Cruises, Cunard, AIDA, Costa, Holland America, Seabourn u Princess Cruises regolarment jidħlu Malta.
Kull ġimgħa, fl-istaġun sajfi, il-P&O Cruises tuża l-Port il-Kbir bħala home port tagħha.
Dan bħala parti mill-programm tagħha Europe Fly li jiffaċilita l-itinerarji fly-cruise fil-Punent, fiċ-Ċentru u fil-Lvant tal-Mediterran.
Sadanittant il-bastiment AZURA tal-P&O Cruises, bħalissa, qed isirulu wkoll xogħlijiet fit-tarzna ta’ Malta biex, imbagħad, ikun jista’ wkoll jaqbad mas-sistemi tax-shore-to-ship.