Pajjiżna qed jimplimenta diversi azzjonijiet biex jissalvagwardja żoni marittimi protetti, li jkopru madwar erbat elef u mitt kilometru kwadru tal-baħar Mediterran u li huma tlettax-il darba akbar minn Malta.
Dan intqal mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, waqt il-ħmistax-il laqgħa Nazzjonali ta’ Focal Points ta’ Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Żoni Speċjali Protetti u d-Diversità Bijoloġika fil-Mediterran, li kienet organizzata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Ministru Dalli qalet li, f’dawn l-aħħar snin, Malta kompliet iżżid żoni protetti ġodda, filwaqt li kompliet taħdem fuq miżuri li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-ambjent marittimu, li jinkludi skart fil-baħar.
“Pereżempju, deċiżjoni li ħadna jfisser li issa għandna 18-il marine protected area, żona ta’ 4,100 kilometru kwadru, li jfisser 13-il darba akbar mill-gżejjer tagħna, u qegħdin indaħħlu numru ta’ miżuri li naraw li nipproteġu l-baħar. Bħalma hija l-mandatory waste seperation, naraw li ma jispiċċax plastik fil-baħar, inkomplu bil-kampanja bħal ‘Saving Our Blue’, u f’dan kollu tibqa’ ċentrali l-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ, li wara kollox se jkunu l-aktar impattati minn kwalunkwe deċiżjoni li nieħdu llum il-ġurnata.”