Fl-isfond tal-kampanja tal-Ġnus Magħquda ‘Blue Hearts Campaign’ u bħala parti mill-ħidma kontinwa tal-Gvern kontra t-traffikar uman, ġiet organizzata diskussjoni li ffukat fuq l-importanza li jintlaħqu l-vittmi kollha u ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.
Waqt din id-diskussjoni ġiet deskritta l-ħidma li qed issir mill-Aġenzija Appoġġ, li tgħin lill-vittmi b’residenza temporanja u appoġġ psikoloġiku, fost oħrajn.
Din id-diskussjoni ssegwi numru ta’ inizjattivi oħra li juru l-impenn tal-Gvern f’dan ir-rigward.
Fost dawn, ġie mwaqqaf Kumitat ta’ Moniteraġġ kontra t-traffikar tal-bniedem u Kumitat Interministerjali rrappreżentat minn membru mill-Ministeri kollha. Dan ma’ diversi kampanji ta’ għarfien matul is-sena kollha biex jitwassal dan il-messaġġ.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon tenna li kulħadd għandu d-dritt t’għajxien sigur u opportunitajiet ta’ ħajja aħjar; u ħadd m’għandu d-dritt jimponi jew jikkontrolla l-ħajja ta’ xi persuna.
“L-għaqda biex ngħid hekk ta’ bejnietna li naħdmu bħala tim wieħed, bħala pajjiż, bħala Gvern, bħala soċjetà kontra kull tip ta’ sfruttament uman hija xi ħaġa li rridu naħdmu fuqha u din il-konferenza tagħti dak l-impatu li hemm bżonn mhux biss biex inżidu l-ħidm atagħna imma biex forsi nikkordinaw aħjar.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg stqarret kif il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin tirrikjedi l-kollaborazzjoni tal-Ministeri, entitajiet governattivi, u msieħba soċjali kollha biex ma jkun hemm l-ebda lok għal sfruttament ta’ persuni vulnerabbli minn min jeżerċita poter jew kontroll fuq ħaddieħor.
“Diġà kellna numru ta’ każijiet li tressqu l-Qorti għaldaqstant qed naraw li nkomplu nsaħħu il-ħidma tagħna mhux biss bħala entità waħda imma numru ta’ entitajiet biex b’mod kollettiv nistgħu nagħmlu d-differenza. Għaldaqstant Malta għal darba oħra qed tieħu sehem attiv f’inizjattiva li hija mmexxija mill-Ġnus Maqgħuda sabiex inkomplu nipprovdu servizz tajjeb għall-vittmi tat-traffikar uman.”
Min-naħa tiegħu d-Direttur tad-Drittijiet tal-Bniedem, Michael Camilleri spjega kif id-Direttorat bħalissa qed jaħdem fuq pjan ta’ azzjoni nazzjonali ġdid hekk kif dak preżenti, jiġi fi tmiemu din is-sena.