Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Globali, l-Iżvilupp Internazzjonali u Affarijiet Ekonomiċi tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ se jkun qed jibgħat mat-tletin elf ewro sabiex jgħin lill-poplu Afgan wara li l-pajjiż intlaqat minn terrimot qawwi.
Fit-22 ta’ Ġunju l-Afganistan intlaqat minn terrimot li mmarka 5.9 fuq l-iskala Richter. B’riżultat ta’ dan, rapporti tal-istat qed jirrappurtaw li tilfu ħajjithom mal-elf u mija u ħamsin persuna, b’aktar minn elf u ħames mitt persuna midruba.
Qed jiġi rrappurtat li ġġarrfu madwar 3,000 dar kawża ta’ dan it-terrimot.
Dwar dan tkellimna mad-Direttur Ġenerali Neville Aquilina, li spjega fejn se tkun qed tmur l-għajnuna finanzjarja li se tkun qed toffri Malta
Qal, “Importanti ħafna f’dan ir-rigward li nassiguraw li jkun hemm aċċess għas-servizzi tas-saħħa u għas-servizzi tal-edukazzjoni. Aħna nafu li meta inti ma jkunx hemm dawn is-servizzi on the ground, ovvjament in-nies jitilqu minn dak il-pajjiż.”
Aquilina spjega wkoll kif din l-għajnuna se tkun qed tindirizza problemi bħal dawk tal-migrazzjoni biex b’hekk jittaffa l-piż li qed jintrefa minn pajjiżi oħrajn wara li nies mill-Afganistan jemigraw barra mill-pajjiż.
Huwa spjega wkoll kif Malta issa għandha leħen iktar b’saħħtu f’sitwazzjonijiet relatati mas-sigurtà fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda.
Qal,“Ovvjament, kwistjonijiet bħas-sigurtà fl-Afganistan u pajjiżi oħra se jkunu materji fejn aħna se nkunu nistgħu nkunu minn ta’ quddiem li nintervjenu u rridu nservu l-komunità internazzjonali.”