Il-pass tajjeb li qabad pajjiżna kien ikkonfermat mir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li huwa maħsub biex jirrakkomanda x’passi għandhom jieħdu l-pajjiżi diversi.
B’żewġ country specific recommendations, pajjiżna għandu anqas mill-medja tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom il-pajjiżi l-oħra. Hija biss l-Isvezja, li b’rakkomandazzjoni waħda, għandha anqas country specific recommendations minn Malta.
Wara li s-sena li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea kienet ipproponiet li Malta titneħħa mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv, issa l-Kummissjoni Ewropea għażlet li tnaqqas in-numru ta’ rakkomandazzjonijiet annwali tagħha għal pajjiżna għal tnejn biss. Dan meta sa sena ilu l-Kummissjoni Ewropea kienet qed tirrakomanda erba country specific recommendations.
In-numru ta’ country specific recommendations li ngħata pajjiżna din is-sena huwa l-anqas li qatt ingħata lil pajjiżna mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2011, pajjiżna kien ingħata ħames rakkomandazzjonijiet, li s-sena ta’ wara kienu żdiedu għal sitta.
Mal-bidla fl-amministrazzjoni fl-2013, il-country specific recommendations għal pajjiżna naqsu għal ħamsa u baqgħu l-istess fl-2014. Is-sena li għaddiet ir-rakkomandazzjonijiet kienu naqsu għal erbgħa, qabel it-tnaqqis għal żewġ country specific recommendations din is-sena.
Filwaqt li mill-2011 dejjem kien hemm rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li pajjiżna jeħtieġ li jgħolli l-età tal-irtirar u jdaħħal il-pensjonijiet privati, din is-sena għall-ewwel darba, pajjiżna ma ngħata l-ebda rakkomandazzjoni f’dan is-settur.
Fi stqarrija l-gvern qal li “dan huwa riflessjoni li r-riformi li wettqet din l-amministrazzjoni kkonvinċew lill-Kummisjoni Ewropea.”
Dan jikkuntrasta sew mar-rakkomandazzjonijiet li tat il-Kummissjoni Ewropea lil pajjiżi bħall-Lussemburgu, l-Olanda, l-Polonja u l-Ġermanja. Dawn kollha ngħataw struzzjonijiet mill-Kummissjoni biex jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom.
Rakkomandazzjoni oħra li l-Kummissjoni għażlet li tneħħi kienet dwar il-bżonn li jitjieb l-aċċess għal finanzjament għas-settur privat.
“Dan minħabba l-miżuri li ttieħdu minn din l-amministrazzjoni, bħat-twaqqif tar-reġistru tal-kredtu, l-progress fit-twaqqif ta’ bank ta’ żvilupp kif ukoll skemi innovativi li introduċiet il-Borża ta’ Malta,” kompla jgħid il-gvern fl-istqarrija tiegħu.
Intant, kien biss fil-każ ta’ Malta u l-Ungerija li l-Kummissjoni Ewropea għażlet li tnaqqas żewġ rakkomandazzjonijiet din is-sena. Fil-pajjiżi l-oħra, dawn jew baqgħu l-istess jew naqset rakkomandazzjoni waħda biss.
Il-gvern qal li filwaqt li fadal ħafna ħidma biex jiġu megħluba sfidi quddiem pajjiżna, l-progress li sar s’issa qed jikseb l-approvazzjoni tal-esperti Ewropej. “Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikun qed iseddaq ix-xogħol ħalli pajjiżna jkompli jtejjeb il-qagħda tiegħu, u biex is-suċċess ekonomiku jwassal għal iktar titjib sostanzjali fil-kwalita ta’ ħajja tal-familji,” temm jgħid il-gvern.