Rapport maħruġ mill-Eurostat juri li l-persuni li għandhom impjieg part-time mhux volontarju f’Malta huwa fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea.
Impjieg part-time mhux volontarju jfisser impjieg fejn il-persuna qiegħda tagħmel xogħol part-time minħabba nuqqas ta’ opportunità ta’ wieħed full-time.
Persuna tidħol għal dan ix-xorta ta’ impjieg jekk ma tkunx tista’ ssib xogħol iktar permanenti full-time.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li Malta hija fost il-ħames l-inqas pajjiż fl-Ewropa li għandhom din it-tip ta’ sitwazzjoni, bir-rata tkun inqas minn għaxra fil-mija.
Il-ġirien Meditteranji ta’ Malta, jiġifieri l-Greċja, Ċipru, l-Italja u Spanja għandhom l-iktar rati ta’ persuni b’impjieg part-time mhux volontarju li huma ferm akbar mill-medja fl-Unjoni Ewropea li hija ta’ sitta u għoxrin fil-mija.
Dan ir-rapport jikkumplimenta l-fatt li Malta għandha wkoll it-tieni l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.
F’Mejju li għadda, ir-rata ta’ persuni qiegħda f’Malta kienet ta’ tlieta fil-mija, l-anqas rata qatt osservata fl-istorja ta’ pajjiżna.