Għal xahar ieħor, Malta kellha fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni minn fost il-pajjiżi kollha taż-Żona tal-Ewro.
Dan hekk kif f’Awwissu ta’ din is-sena, ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna kienet ta’ sebgħa fil-mija.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, li juru kif ir-rata ta’ inflazzjoni ta’ pajjiżna hija tnejn punt wieħed fil-mija inqas mill-medja taż-Żona Ewro.
Il-medja taż-Żona Ewro hija ta’ 9.1 fil-mija.
Ħarsa lejn iċ-ċifri minn madwar iż-Żona tal-Ewro turi li l-uniku pajjiż fejn l-għoli tal-ħajja hu inqas – bi ftit – minn Malta huwa Franza. Wara Malta, imbagħad, tiġi l-Finlandja.
F’Awwissu, l-ikbar rata ta’ għoli tal-ħajja fiż-Żona tal-Ewro kienet l-Estonja, b’aktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija; differenza ta’ iżjed minn tmintax fil-mija mir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta.
Il-Baltiċi jibqgħu bl-ogħla rata, hekk kif wara l-Estonja jiġu l-Latvja u l-Litwanja, li lkoll għandhom rata ta’ inflazzjoni li taqbeż l-wieħed u għoxrin fil-mija.
Minn dawn iċ-ċifri tal-EUROSTAT ħareġ ukoll li l-isfidi internazzjonali minħabba l-gwerra fl-Ukrajna ħallew impatt qawwi fuq il-prezzijiet, fosthom dawk tal-enerġija, f’kull Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Fl-aħħar xhur, fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, il-Gvern Malti żamm il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil stabbli.
Intant, f’ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO ħareġ li l-akbar żieda fil-prezzijiet hawn Malta kienet fil-prodotti tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku.
Apparti li l-Gvern qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, il-Gvern qed jgħin ukoll billi jħallas għal ħażna żejda tal-qmuħ u tal-ġwież, kif ukoll ta għajnuna lil dawk li jrabbu l-majjali. Barra minn hekk, il-Gvern ta €3 miljun lill-bdiewa biex jittaffa l-prezz tal-fertilizzant, li għola wkoll riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna.