Id-dejn tal-Gvern imqabbel mal-prodott domestiku gross fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien il-ħames l-inqas fiż-Żona Ewro.
Dan ħareġ minn statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Jirriżulta li bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, meta kien għodha kif faqqgħet il-pandemija, id-dejn tal-Gvern kien ilaħħaq il-51% tal-prodott domestiku gross.
Il-medja fiż-Żona Ewro kienet ta’ 95.1%, li jfisser kważi d-doppju ta’ Malta.
Fl-2011, id-dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross kien ilaħħaq is-70.2%, li jfisser kważi 20% iżjed mil-lum.
Intant fit-tieni kwart ta’ din is-sena, il-Greċja, l-Italja u l-Portugall kienu l-aktar tliet pajjiżi li kellhom dejn imqabbel mal-prodott domestiku gross.
Il-Greċja d-dejn laħħaq l-187.4%.
Intant skont il-Eurostat, fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea, Malta kellha l-inqas żieda fid-defiċit fit-tieni kwart ta’ din is-sena meta mqabbel mal-ewwel kwart.
Fil-fatt f’Malta id-differenza kienet ta’ 1.9% filwaqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 8.8% u fl-Awstrija, li kellha l-ogħla rata, kienet ta’ 16.3%.
Min-naħa l-oħra, fit-tieni kwart ta’ din is-sena, skont l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, in-nefqa tal-Gvern kienet t’aktar minn mitejn u sittax-il miljun ewro.
Dan meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Il-biċċa l-kbira tan-nefqa tal-Gvern kienet f’għajnuniet li ta l-Gvern b’rabta mal-Covid u fil-fatt din it-tip ta’ nefqa f’sussidji kienet tlaħħaq ftit aktar minn mija u wieħed u għoxrin miljun ewro.
Kien hemm ukoll nefqa sinjifikanti ta’ mija u disgħa u għoxrin miljun ewro f’għajnuniet lin-negozji bejn April u Ġunju li għadda.
L-NSO ħareġ ukoll statistika għall-2019 fejn hawnhekk il-Gvern għalaq b’surplus ta’ nofs perċentwal jew €67 miljun fil-kaxxa ta’ Malta.
Jirriżulta li għal kull mitt ewro li nefaq il-Gvern, ħamsa u għoxrin ewro minnhom marru għall-benefiċċji soċjali u għaxar ewro oħra marru għall-investiment.