Statistika maħruġa mill-Eurostat turi li pajjiżna għandu fost l-aktar livell ta’ ugwaljanza soċjali minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, f’20 pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea hemm diżugwaljanza ikbar fil-pagi milli hawn f’pajjiżna. Skont il-Eurostat, filwaqt li f’pajjiżi bħall-Portugal u Ċipru dawk fuq l-ogħla pagi jaqilgħu kważi erba’ darbiet u nofs minn dawk fuq l-inqas pagi, f’pajjiżna d-distakk huwa ta’ inqas minn tliet darbiet.
Dan intqat fi stqarrija maħruġa mill-Gvern.
Meta tqabbel dawk fuq il-paga medja ma’ dawk fuq l-ogħla pagi, pajjiżna huwa f’pożizzjoni anke aħjar. Fil-fatt, dawk fuq l-ogħla pagi f’pajjiżna jitħallsu ftit inqas mid-doppju ta’ dawk fuq paga medja. Huwa biss fil-pajjiżi Skandinavi tad-Danimarka, l-Isvezja u l-Finlandja fejn hemm livell inqas ta’ diżugwaljanza fil-pagi.
Il-Gvern qal li dawk fuq l-inqas pagi f’pajjiżna jaqilgħu kważi żewġ terzi tal-paga medja. Dan jikkuntrasta ħafna ma’ dak li jiġri f’pajjiżi bħal Ċipru u l-Ġermanja fejn dawn jaqilgħu n-nofs tal-paga medja.
Filwaqt li jilqa’ dawn ir-riżultati għas-sena 2014, il-Gvern ifakkar li minn dakinhar ‘l hawn ittieħdu ħafna miżuri oħra biex il-qagħda ta’ dawk fuq l-inqas livell ta’ dħul tkompli titjieb. Fil–fatt, fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea fejn ġie analizzat l-aħħar Budget, l-esperti tal-Kummissjoni kkonfermaw li pajjiżna għandu l-inqas piż ta’ taxxa fuq il-ħaddiema, u kważi nofs il-medja Ewropea, kemm għal dawk fuq paga medja kif ukoll għal dawk viċin il-paga minima.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li ‘on the expenditure side, the budget includes several social measures targeted at social justice, in particular addressing social inequality and pro-actively targeting those in/at risk of poverty, with a particular emphasis on low income brackets and pensioners.’
Dan wara li fil-Joint Employment Report, rapport li fih il-Kummissjoni tħares lejn il-politika soċjali, pajjiżna tpoġġa fl-iscoreboard tal-progress soċjali mal-grupp ta’ pajjiżi msejjaħ ‘better than average’ fir-rata tal-qgħad, il-qgħad fost iż–żgħażagħ, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar u l-inugwaljanza fid-dħul.
Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern huwa kommess li jkompli jaħdem biex il-ġid jasal għand kulħadd.