Il-kwalità tal-ilma f’pajjiżna kklassifikat mal-aqwa fid-dinja, b’punteġġ ta’ kważi mija fil-mija.
Jixhed dan stħarriġ ippubblikat mill-Università ta’ Yale, li hija rinomata madwar id-dinja, proprju miċ-Ċentru tagħha għal-liġi ambjentali u l-politika.
Dan l-istess stħarriġ juri li fl-aħħar 10 snin il-kwalità tal-ilma f’pajjiżna tjiebet b’1.6 fil-mija għal total ta’ 99.8 fil-mija.
Dwar dan l-istħarriġ, l-Uffiċjal tal-KwKlità fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Ilma, Martin Polidano, spjegalna proprju xi jfisser meta wieħed jirreferi għall-kwalità tal-ilma.
Martin Polidano qal “Realistikament qiegħed iħares lejn il-kwalità tal-ilma kemm bħala mikrobijoloġija, jiġifieri x’fih mikrorganiżmi, bacteria, viruses, li jkunu fl-ilma u, jekk inti tixrob dak l-ilma, jagħmlulek ħsara, u anke bħala konsistenza kimika, jiġifieri analiżi ta’ x’fih dak l-ilma.”
Huwa spjega d-distinzjoni bejn il-kwalità u t-togħma tal-ilma.
Huwa kompla jgħid “Jiena lilek nista’ nipprovdilek tazza ilma quddiemek li tkun perfettament ċara, li ma fiha l-ebda riħa, jiġifieri malli taraha jew anke xxommha, jiġifieri, lanqas għadek biss doqtha, diġà f’moħħok qed tgħid, ‘Din tajba’, u malli tixrobha din it-taxxa fi ftit tal-ħin jew ġranet wara se tkun qed tagħmillek ħsara ġo ġismek.”
Fil-fatt, dwar it-togħma tal-ilma f’pajjiżna, Polidano tkellem dwar il-ħidma li embarkat fuqha l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Ilma biex din tibqa’ titjieb.
Huwa qal li “Wieħed mill-akbar proġetti li għandna huwa l-proġett mir-reverse osmosis ta’ Pembroke: tħaffir ta’ mina minn din ir-reverse osmosis għall-ikbar ġibjuni li għandna aħna, f’Ta’ Qali. Għaliex qed nagħmluh dan? Qed nagħmluh għax it-taħlita tar-reverse osmosis water u ground water se tkun ekwa għal kulħadd.”
Apparti minn hekk, Polidano spjega li l-Aġenzija għaddejja bi proġetti biex jinbidlu s-servizzi antiki tal-ilma filwaqt li l-pubbliku qed ikun avżat b’dawn il-manutenzjonijiet – saħansitra bid-dati u l-ħin sabiex għal ħin qasir ma jiġix ikkunsmat.