Malta għandha sservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra għal mod kif kabbret l-ekonomija filwaqt li żiedet il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Fi kliem Luca Visentini, Segretarju Ġenerali tal-European Trade Unions Confederations (ETUC), il-mudell li adottat Malta fl-aħħar ftit snin huwa “best practice”.
L-ETUC hija l-ikbar organizzazzjoni ta’ trejd unjins fl-Ewropa u tirrappreżenta mal-45 miljun ħaddiema minn 39 pajjiż. Fi ħdanha hemm 89 unjin nazzjonali li fl-aħħar ġimgħat ir-rappreżentanti tagħhom inġabru għal-laqgħat f ’pajjiżna biex jistħarrġu kif dak li sar f ’Malta jista’ jsir f ’pajjiżi oħra. “Huwa sinjal pożittiv li Malta tinsab fuq quddiem ta’ dan il-moviment biex ikun hem żidiet fil-pagi u li jikber is-sehem tal-pagi fl-ekonomija,” qal Vincenti meta kien mitlub jikkummenta mill-gazzetta KullĦadd wara waħda mis-sessjonijiet li saru f ’lukanda ewlenija fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Visentini tkellem kif bħala Ewropa affaċċjajna iktar minn deċenju ta’ awsterità. Fil-fatt f ’pajjiżna niftakru ftit tas-snin ilu protesti fit-toroq minħabba żidiet eżorbitanti fil-prezzijiet fosthom il-kontijiet tal-enerġija u anke kontra t-tneħħija ta’ drittijiet tal-ħaddiema bħalleave għall-festi pubbliċi li jinzertaw fi tmiem il-ġimgħa. “Kien hemm l-awsterità minħabba l-kriżi u minħabba l-politika monetarja tal-Unjoni Ewropea b’mod partikolari fiż-żona ewro. Imma issa s-sitwazzjoni qed tinbidel. Hemm narrattiva differenti kemm mill-Kummissjoni Ewropea u anke minn istituzzjonijiet internazzjonali oħra.
Ikolli ngħid li Malta kienet fost dawk li bdew il-bidla fl-attitudni ta’ kif ikollna tkabbir kontinwu u sostenibbli u naturalment iż-żieda fil-pagi hi parti minn din l-istrateġija,” qal is-Segretarju Ġenerali li tkellem dwar kif ix-xewqa tan-nies li jirrappreżentaw il-ħaddiema hi li dak li ġara f ’din il-gżira ċkejkna jarawh jiġri madwar il-kontinent. “Li rajna hawn mhux biss li kien hemm żieda fil-paga minima imma kien hemm żieda wkoll fil-paga medja fil-pajjiż. Kien hemm ukoll tisħiħ fid-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet industrijali. Dak li qablu l-Gvern u l-imsieħba soċjali f ’dan il-pajjiż huwa sinjal qawwi għall-kumplament tal-Ewropa,” żied jgħid Visentini li fost il-miżuri li faħħar kien hemm iċ-child care b’xejn li l-Gvern immexxi minn Joseph Muscat beda joffri lill-familji li jaħdmu.
“Hija miżura importanti ħafna. Din hi waħda mill-iktar miżuri importanti mhux biss biex tgħin familji tal-ħaddiema. Iżda tgħin ukoll in-nisa li jidħlu fis-suq tax-xogħol b’mod ugwali. Din torbot ma’ inizjattivi li se jkunu żviluppati fuq livell Ewropew fejn hemm diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar parental leave li flimkien ma’ miżuri bħal dawn jistgħu joħolqu suq iktar ugwali,” kompla jispjega. Fuq kollox tkellem kif huwa interessanti ħafna kif Malta kellha tkabbir ekonomiku mingħajr awsterità.
“Huma ftit ħafna l-pajjiżi li adottaw dan il-mudell. Malta wieħed minnhom. Il-Portugall bil-gvern il-ġdid qed jieħu attitudni simili, l-Iżvezja wkoll. Imma hemm ftit pajjiżi u bi ftit xebh bejniethom ikolli ngħid,” irrimarka. Fuq kollox irid li fl-Ewropa jkun hemm strateġija fuq l-investiment, iktar pagi, investiment fil-kapital uman u li nsaħħu s-suq tax-xogħol bi flessibbiltà flimkien ma’ sigurtà.
Jgħid li kif sar f ’Malta rridu naċċertaw li l-kapital uman jitpoġġa fiċ-ċentru tat-tkabbir ekonomiku. “Irridu viżjoni iktar bilanċjata fejn inaqqsu l-ugwaljanza, fejn bit-tkabbir ekonomiku nsaħħu l-bilanċ soċjali. F’dan is-sens il-‘best practice’ ta’ Malta hija interessanti għalina lkoll u l-kumplament tal-Ewropa,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-ETUC li f ’Malta kien għal konferenza li l-organizzazzjoni tagħha kienet fdata f ’idejn il-GWU.
Fuq kollox temm jgħid li għandna nimbuttaw biex il-mudell Malti jkun segwit minn gvernijiet oħra. “Irridu li l-pajjiżi li mexxew l-awsterità bħall-Ġermanja jkunu konvinti li dan il-mudell alternattiv joffri iktar suċċess għax joħloq iktar xogħol u iktar tkabbir ekonomiku,” qal Visentini.