Il-Gvern Malti ta donazzjoni ta’ 131,000 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 lill-Gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.
Din l-għotja kienet possibbli bl-għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea, b’ħidma li tiġbor l-isforzi ta’ pajjiżi oħra Ewropej bl-għan li jgawdi l-poplu Iranjan minn dawn id-donazzjonijiet.
Id-donazzjoni twasslet f’Tehran b’titjira speċjali li kienet koordinata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u ġew milqugħa minn uffiċjali tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Edukazzjoni Medika fl-Iran.
Il-ħidma ta’ Malta f’din l-għotja tal-vaċċin, li wasslet sabiex iktar minn 400,000 doża tqassmu lill-pajjiżi fil-bżonn, huwa frott tal-koordinazzjoni bejn uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Ministeru għas-Saħħa, li ħadmu mill-qrib mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Aktar donazzjonijiet tal-vaċċin kontra l-Covid-19 mistennija jkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.