Matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel nofs tal-2017, Malta se tisħaq li l-Unjoni tindirizza b’suċċess il-migrazzjoni u temi oħra differenti, bħat-theddida tat-terroriżmu fl-oqsma tal-intern u tad-difiża.
Dan qalu l-Ministru għall-Intern u s-Sigutà Nazzjonali, Carmelo Abela.
Huwa kien qed jitkellem il-Ġimgħa waqt laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, Alexander Italianer, u l-Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kummissjoni, Martin Selmayr, fil-Ministeru l-Belt.
Il-Ministru ddeskriva lill-Kummissjoni bħala interlokutur importanti ħafna għal Malta, kemm waqt l-ippjanar u t-tħejjijiet għall-Presidenza, kif ukoll waqt il-Presidenza nnifisha. Saħaq fuq il-bżonn li jitwettaq f’ħin tajjeb il-Pjan ta’ Azzjoni li dwaru ntlaħaq qbil waqt il-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, li saret Malta f’Novembru li għadda.
Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-migrazzjoni legali, li dwarha l-Kummissjoni mistennija toħroġ proposti l-ġimgħa d-dieħla. Dawn il-proposti se jkunu jinkludu, fost l-oħrajn, inizjattivi biex l-UE tkun aktar attraenti għal nies bi kwalifiki għoljin minn pajjiżi terzi.