L-Għaqda Volontarja, Emergency Fire & Safety Unit, issa tinsab mgħammra b’numru ta’ tined ġodda magħrufa bħala rapid deployment tents: tined li li jistgħu jiġu armati f’ħin qasir u jintużaw f’każ ta’ emerġenza marbuta ma’ diżastri naturali.
Dan l-investiment kien possibbli permezz ta’ nefqa ta’ madwar €40,000 fi proġett li ttella’ fuq sentejn bil-parti l-kbira ffinanzjat mill-Malta Community Chestfund Foundation.
Spjegatilna aktar dwar dan id-Deputat Direttur fuq l-Amministrazzjoni, Maria Vassallo Micallef.Maria Vassallo Micallef id-Deputat Direttur tal-Efru qal:
“Permezz ta’ dan il-proġett irnexxielna nakkwistaw numru ta’ tined li fihom nistgħu nakkomodaw persuni ta’ salvataġġ barranin, li huma mħarrġa b’mod professjonali fis-salvataġġ, u li jistgħu jgħinuna f’każ li Malta jinqalalha xi emerġenza jkunu jistgħu jiġu f’ħin qasir u jassistu billi jawmentaw in-numri tal-volontiera tagħna u jidħlu fuq xenarji ta’ salvataġġ fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna.”
Tul tmiem il-ġimgħa, madwar 60 voluntier tas-salvataġġ minn 7 pajjiżi ħadu sehem f’waħda min-numru ta’ attivitajiet li ttellgħu matul dawn is-sentejn bħala parti minn dan il-proġett fejn użaw xenarji differenti f’eżerċizzji ta’ salvataġġ b’tekniċi speċjalizzati fit-Tiftix u s-Salvataġġ Urban.
SIMULEX19 hija waħda mill-attivitajiet ta’ dan il-proġett bl-għan ewlieni kien it-tħejjija tal-voluntiera tas-salvataġġ f’każ ta’ diżastru naturali.
Dan hu wieħed mill-għanijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Timijiet Voluntiera tal-Protezzjoni Ċivili, waħda mill-fundaturi tal-EFRU.
L-EFRU ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar 13-il sena bil-għan li tassisti lill-Protezzjoni Ċivili f’każ ta’ emerġenzi nazzjonali.
Spjega aktar fid-dettall id-Deputat Direttur tal-Fondi u l-Relazzjonijiet Pubbliċi, Keith Borg.
Keith Borg id-Deputat Direttur tal-EFRU qal:
“L-Efru kienet waħda mill-fundaturi ta’ organizzazzjoni fuq livell ewropej, jisimha Evolsar, fejn tħaddan numru ta’ tims kollha volontiera biex jitħarrġu flimkien u jgħinu lil xulxin f’pajjiżi differenti. Nirħarrġu flimkien, on a yearly basis, u dan il-proġett huwa wieħed minn dawn l-attivitajiet li norganizzaw.”
Waqt preżentazzjoni ta’ ċertifikati ta’ parteċipazzjoni, il-Ministru Michael Farrugia faħħar il-ħidma ta’ dawk kollha li ħadu sehem u spjega kif kulħadd għandu jaħdem id f’id bħala komunità waħda b’għan wieħed.
Spjega kif bħalissa għaddejjin b’inizjattivi biex dawk fis-settur tas-salvataġġ jitħarrġu dwar il-possibiltà ta’ tsunami fil-Mediterran. Dan sabiex kulħadd ikun magħqud f’każ ta’ kwalunkwe eventwalità.