Ċertifikat ieħor b’saħħtu għall-ekonomija Maltija mill-aġenzija tal-kreditu awtorevoli Ġermaniża Scope li assenjat lil Malta rating fil-livell ta’ A+ u bi prospetti stabbli li jirriflettu l-fatt li Malta għandha tkabbir ekonomiku b’saħħtu u tmexxija għaqlija tal-finanzi pubbliċi.
L-ekonomisti indipendenti tal-aġenzija osservaw fost oħrajn it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li huwa ’l fuq mill-medja Ewropea. Osservaw iż-żieda fit-turiżmu u fl-impjiegi u fil-konsum bħala l-fatturi li qegħdin ikollhom effett tajjeb fuq l-ekonomija tal-pajjiżna.
L-aġenzija tal-kreditu qed tbassar li fis-sentejn li ġejjin, it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta se jilħaq il-5.4 fl-2018 u l-5% fl-2019 sostnut b’rekord fit-tnaqqis tal-qgħad b’rata ta’ 4% minħabba żieda fl-investiment. L-aġenzija tbassar ukoll żieda fil-konsum privat u fl-investiment.
L-aġenzija qalet li r-rating ta’ A+ lil Malta ngħata minħabba l-qagħda finanzjarja b’saħħitha ta’ pajjiżna flimkien ma’ tisħiħ tal-finanzi pubbliċi, anqas infiq f’imgħaxijiet u tkabbir ekonomiku b’saħħtu.
Tinnota li l-Gvern kiseb surplus wara ieħor fil-finanzi tal-pajjiż li fi kliemha hija riflessjoni tat-tmexxija għaqlija tal-pajjiż. Tinnota wkoll iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u r-riformi li beda l-Gvern biex aktar żgħażagħ ikomplu jistudjaw bil-għan li jilqa’ għall-isifidi tal-ekonomija tal-futur.
Dwar l-infiq tal-Gvern tgħid li dan huwa taħt il-medja taż-żona ewro iżda tinnota li n-nefqa kapitali żdiedet b’mod qawwi u se tkompli tiżdied matul l-2019.
L-Aġenzija Scope żiedet tgħid li l-politika finanzjarja b’saħħitha tal-Gvern wasslet biex b’mod konsistenti tnaqqas id-dejn u tinnota li fl-aħħar sentejn dan naqas bi 8 fil-mija meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross bis-saħħa ta’ tkabbir ekomomiku b’saħħtu u żieda fis-surplus.
Qalu li Malta għalkemm f’livell anqas se jibqa’ jkollha surplus matul is-sena d-dieħla sostnut b’żieda fl-importazzjoni u r-rwol tagħha bħala ċentru finanzjarju.
Fl-analiżi tagħhom, l-ekonomisti jinnotaw ukoll li l-Gvern implimenta bosta direttivi tal-Unjoni Ewropea biex jiġġieled il-ħasil tal-flus u jtejjeb it-trasparenza u l-governabilità. Jinnotaw ukoll kif l-awtoritajiet Maltin nedew strateġija biex ikun miġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu li tinkludi żieda fir-riżoris biex jissaħħaħ l-inforzar.
#Malta assigned A+ rating with stable outlook in first @ScopeGroup_ report -JM @edward_scicluna
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 10, 2018