Wara Moody’s u Fitch – li kkonfermaw il-qagħda finanzjarja tajba ta’ pajjiżna, kien imiss lill-aġenzija tal-kreditu internazzjonali DBRS – aġenzija Kanadiża magħrufa għal kemm ma tħares lejn wiċċ ħadd, li ikkonfermat rating ta’ “A” u bi prospetti għoljin għal pajjiżna.
L-esperti internazzjonali ta’ DBRS innotaw li l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna baqa’ b’saħħtu; b’rata ta’ tkabbir tal-prodott domestiku gross ta’ sebgħa punt ħamsa fil-mija. Tkabbir li skont DBRS mistenni jibqa’ jkun għoli fis-snin li ġejjin, speċjalment meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Id-DBRS qalet li l-klassifikazzjoni ta’ Malta hija sostnuta prinċipalment mid-dipendenza baxxa fuq il-finanzjament minn barra l-pajjiż, il-livell dejjem jonqos tad-dejn pubbliku, u l-pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha tal-familji Maltin u Għawdxin.
Id-DBRS rrikonoxxiet li Malta kompliet taqbeż ir-rati medji ta’ tkabbir fl-Unjoni Ewropea. Innutat li t-tkabbir potenzjali tal-prodott domestiku gross tela’ minn tnejn punt ħamsa fil-mija bejn l-elfejn u erbgħa u l-elfejn u tnax, għal sitta punt wieħed fil-mija bejn l-elfejn u tlettax u l-elfejn u tmintax.
Dwar is-settur finanzjarju, id-DBRS qalet li s-sistema finanzjarja baqgħet waħda soda, ibbażata fuq il-qagħda b’saħħitha tal-banek Maltin.
Minkejja l-attakki ta’ kuljum li jsiru fuq l-istituzzjonijiet Maltin, DBRS qalet li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huma b’saħħithom, u rrikonoxxiet li l-Gvern qed idaħħal miżuri biex itejjeb il-governanza u jdaħħal pjan t’azzjoni biex jiġi miġġieled il-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Innutat il-pjanijiet tal-gvern sabiex titjieb is-separazzjoni tal-poter u l-indipendenza tal-ġudikatura.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna nnota kif dan huwa t-tielet ċertifikat pożittiv għal pajjiżna din is-sena, u nnota kif dan ħareġ f’ġimgħa li matulha l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti wettqu tliet attakki kontra Malta.
Il-Ministru Scicluna qal “Li int tikkritika l-Gvern biex forzi tinfluwenza l-elettorat għall-elezzjoni hija xi ħaġa normali f’kull pajjiż, imma li inti twaqqa’ r-reputazzjoni ta’ pajjiżek u tagħmel ħsara li ddum snin biex tħassarha hija xi ħaġa li ma niflaħx nara.”
Iżda minkejja t-tenattivi tagħhom biex itappnu isem pajjiżna, l-aġenziji internazzjonali qed jagħtu konferma wara l-oħra tal-qagħda b’saħħitha li jinsab fiha pajjiżna.
Spjega kif “Kulħadd qed jirrikonoxxih llum forsi għall-ewwel kien hemm iktar kampanja qawwija imma mnalla l-ekomomija għaddejja tajjeb b’investiment qawwi – l-ebda pajjiż bil-korruzzjoni ma jkun hemm investiment. Il-korruzzjoni qiegħda fl-ifqar pajjiżi fejn m’hemmx investiment mentri għall-kuntrarju pajjiżna huwa b’saħħtu u juru din il-kotradizzjoni.
Fi stqarrija, il-Gvern innota li dan huwa l-aħjar rating li din l-aġenzija qatt tat lil pajjiżna.
Qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni tibqa’ tattakka r-reputazzjoni tas-sistema finanzjarja ta’ Malta, skont l-esperti tad-DBRS “the Maltese financial system remains sound”.
Quddiem dan l-aħħar ċertifikat pożittiv għal pajjiżna, il-Gvern tenna l-impenn tiegħu li jżid ir-riformi biex il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ.