Ta’ kull sena madwar mitt ruħ jintlaqtu mill-Melanoma, l-agħar forma ta’ kanċer tal-ġilda li ta’ kull sena f’Malta jtemm il-ħajja ta’ madwar disa’ persuni.
Ċifri uffiċjali juru kif il-każijiet tal-Melanoma fl-aħħar 20 sena, irdoppjaw.
Bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza dwar dan il-kanċer, id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u d-Dipartiment għad-Dermatoloġija wasslu l-messaġġ li “Il-ġlieda kontra l-kanċer tal-ġilda tibda fi ħsibijietek”.
Iċ-Chairman tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija, Dr Lawrence Scerri, spjega kif l-appell ewlieni dejjem ikun biex jittieħdu l-prevenzjonijiet, l-aktar fis-sajf għax dan il-kanċer hu mill-aktar qattiel jekk ma jiġix trattat kmieni.
“Kull sena infakkru lill-pubbliku dwar il-ħsara tax-xemx partikolarment enfażi fuq il-melanoma skin cancer għax hu l-aktar tip ta’ kanċer perikoluż għax jista’ joqtlok, u r-rata tiegħu dejjem tikber. Din is-sena l-kampanja hi ffukata fuq il-fenomena tad-denial. Li n-nies, ħafna nies, jinjoraw il-messaġġi tat-twissijiet tal-awtorità ta’ saħħa dwar prevenzjoni, dwar li wieħed jaqbadha kmieni importanti ħafna u li żżid ċ-ċansijiet ta’ fejqan,” qal Dr. Scerri.
Dr Scerri qal li permezz ta’ appuntament, persuna tista’ tagħmel screening fl-isptar Boffa fis-sitta ta’ Mejju.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa, Paula Vassallo wissiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jitnaqqas ir-riskju.
“L-ewwel ħaġa hu li jevita joqgħod fix-xemx. Nafu li wieħed li joqgħod fix-xemx ta’ spiss aktar ikollu riskju li jkollu dan it-tip ta’ kanċer. Allura importanti li jevita x-xemx idealment bejn il-11:00am u t-3pm, u wieħed meta se jkun fix-xemx, anke jekk se jagħmel qadja, dejjem japplika l-krema kontra x-xemx u importanti li wieħed jilbes ħwejjeġ addattati bħal kpiepel, ħwejjeġ li jgħattu l-ġilda u għalekk importanti li wieħed joqgħod attent,” spjegat Dr. Vassallo.