Pajjiżna beda jimplimenta l-viżjoni li Malta tkun katalista fl-innovazzjoni ekonomika fid-dinja. Dan bil-ħolqien ta’ ekonomija ġdida, l-ewwel tat-tip tagħha fid-dinja, b’potenzjal li fi żmien ħames snin tkun kbira daqs is-settur tal-gaming f’pajjiżna.
Dan permezz ta’ qafas legali li se jkun qed jirregola teknoloġiji ġodda, fosthom il-munita virtwali, li fil-preżent mhumiex irregolati. Dan qed iwassal għal nuqqas ta’ ċertezza u protezzjoni fost l-investitur.
Is-Segretarju Parlamentari għas-servizz Finanzjarji, ekonomija diġitali u innovazzjoni, Silvio Schembri, spjega li wara konsultazzjoni pubblika li se ssir fuq medda ta’ tliet ġimgħat, se jitressqu tliet abbozzi ta’ liġijiet li se jagħtu din iċ-ċertezza filwaqt li joffru stabbilità u integrità tas-suq.
Dan huwa mument storiku għal pajjiżna għaliex mil-lum ‘il quddiem issa qed nibdew nimplimentaw il-viżjoni tagħna li bħala pajjiż nibdew inmexxu fid-dinja tal-innovazzjoni ekonomija aparti minn hekk se nkunu qed noħolqu ekonomija ġdida niċċa ġdida li għandha potenzjal kbir. Aħna qiegħdin naraw li fi żmien ħamsa/ għaxar snin din l-ekonomija tkun kbira daqs tal-gaming f’pajjiżna. apparti minn hekk tajjeb li ngħidu li aħna qed inkunu l-ewwel pajjiż fid-dinja li nagħmlu dan.
Il-qafas regolatorju għandu l-għan li jpoġġi ll Malta bħala d-destinazzjoni naturali għal negozji li jixtiequ joperaw f’dan il-qasam.
Dawn se jkunu rregolati mill-Malta Digital Innovation Authority, awtorità ġdida li se tkun responsabbli miċ-ċertifikazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ pjattaformi li jridu jirreġistraw b’mod volontarju. Fil-preżent, iċ-ċertifikazzjoni li se tibda toħroġ din l-awtorità mhu jagħtih l-ebda pajjiż ieħor fid-dinja.
Dan filwaqt li jitwaqqaf qafas legali li se jkun qed jistabbilixxi kif se titħaddem l-ekonomija l-ġdida. Qafas regolatorju li qed jipproponi wkoll qasam ieħor taħt il-kompetenza tal-Awtorità Maltija għas-servizzi finanzjarji li fost oħrajn se jkun qed jirregola servizzi relatati ma’ muniti virtwali.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembi qal li numru ta’ kumpaniji internazzjonali diġà qed juru l-interess li jibdew joperaw minn pajjiżna biex jibbenifikaw mill-ħolqien ta’ din l-ekonomija.
B’din il-viżjoni ta’ innovazzjoni ekonomika, mhux biss se tkun qed issaħħaħ u tikkumplimenta, fost oħrajn, is-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna iżda se tkun qed tara wkoll il-ħolqien ta’ industrija ġdida li għandha l-abbiltà li toħloq eluf ta’ impjiegi.