Matul din is-sena, minkejja l-pandemija tal-COVID-19, il-Malta Enterprise attirat ħamsa u tletin kumpanija ġdida lejn Malta bħala Investiment Dirett Barrani.
Dan intqal mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri waqt konferenza annwali ta’ EY bit-tema ‘Future Realized’.
Il-Ministru Schembri qal kif dan ir-riżultat huwa inkoraġġanti, għaliex ifisser li kienu attirati tliet kumpaniji iżjed mis-sena l-oħra. Dawn il-kumpaniji jvarjaw minn oqsma fil-manifattura għal-logħob diġitali, intelliġenza artifiċjali u blockchain.
Il-Ministru qal kif bħala pajjiż irridu nżommu dan ir-ritmu billi niżġuraw li qed nipprovdu l-ekosistema ideali għall-operaturi, kif ukoll spalla ma’ spalla ma’ negozji lokali u internazzjonali.
Waqt din il-konferenza, il-Ministru Schembri tenna l-viżjoni ta’ ekonomija fit-tul ta’ Malta bbażata fuq ħames pilastri ewlenin: it-tkabbir ekonomiku, edukazzjoni u impjiegi, infrastruttura u investiment aħjar, sostenibbiltà u newtralità tal-korbonju sal-2050 u l-governanza tajba, liġi u ordni.
Qal kif il-budget li għadu kif tħabbar huwa xhieda tal-aġilità ekonomika innovattiva ta’ Malta fl-andament għal ċirkostanzi ta’ sfida.
Temm jinnota kif it-triq ‘il quddiem hija li n-negozji jiġu mgħejjuna jimplimentaw il-proġetti tagħhom, jiġu ggwidati fil-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali, u jissaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema.