Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-programm tal-Fond Soċjali Ewropew+ għal Malta għas-snin 2021-2027.
Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Gvern fejn ġie spjegat kif b’hekk, Malta ġiet allokata €205 miljun għal Fond Soċjali Ewropew+ li se jagħti l-opportunità li jiġu sostnuti l-investimenti fil-kapital uman, li jibqa’ l-aktar riżorsa importanti tal-pajjiż.
Fil-fatt, €205 miljun se jiġu investiti f’diversi setturi fosthom fis-settur tax-xogħol, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u fil-qasam soċjali bil-għan li jitjiebu s-servizzi eżistenti u jinħolqu servizzi ġodda skond il-ħtiġijiet.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri qal li diġa bħala pajjiż nafu kemm huma ta’ benefiċċju l-fondi ewropej. “Bħala pajjiż wettaqna diversi proġetti grazzi għall-fondi Ewropej, illum li ġew approvati dawn il-fondi se jkunu qed isiru numru ta’ proġetti oħra fil-qasam soċjali li minnhom jibbenifika kulħadd.”
Intant Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni ta’ programm operattiv ieħor għal Malta u qal li issa jħares il quddiem li pajjiżna jibda jutilizza dawn il-fondi.
‘Filwaqt li Malta se tkompli tibni fuq skemi u inizjattivi li qegħdin jitwettqu mill-programm operattiv 2014-2020, il-programm il-ġdid jingħaqad ma’ interventi u investiment oħra li qegħdin jiġu ffinanzjati minn fondi Ewropej u se jkomplu jgħinunha nindirizzaw l-isfidi fosthom wara l-pandemija, kif ukoll inwasslu l-viżjoni li għandna għal-pajjiżna fis-settur soċjali, settur li huwa l-pedament li fuqu hija bbażata l-politika ta’ dan il-Gvern’,” qal Dr Bonett.