Iż-żgħażagħ iridu li jkollhom l-opportunità jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Bis-saħħa tal-baġit 2024 se tinħoloq Malta aktar ġusta għaż-żgħażagħ.
Dan il-baġit bl-akbar nefqa soċjali kompla jinvesti fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna. Filfatt għal sena oħra l-istipendji għal studenti li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f’istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji se jkomplu jiżdiedu. Dan ifisser li l-aħħar Gvern li ffriża l-istipendji jibqa’ dak tal-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk, illum ulied li jkomplu l-iskola wara s-sekondarja, il-ġenituri jieħdu għotja ta’ €500 għal tliet snin. Bil-fatti nemmnu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-mobbilta’ soċjali.
Il-politika tal-opportunitajiet. Iżda biex jinħolqu l-aqwa opportunitajiet, jeħtieġ li jkollok ekonomija b’saħħitha u li tikber b’mod sostenibbli. Budget li qed jinċentiva l-ekonomija tal-lum u ta’ għada bi strateġija lejn setturi ġodda u produttivi u li nibqgħu nwieżnu l-familji, in-negozji iż-żgħażagħ u l-anzjani tagħna.
Fost id-diversi miżuri notevoli mill-miżuri mħabbra għall-baġit tas-sena dieħla, kien hemm it-tisħiħ tal-iskema tal-first time buyers. Din il-miżura għandha sservi ta’ soljiev għaż-żgħażagħ li qed ifittxu li jsiru sidien ta’ darhom. Dan apparti l-akbar investiment fil-first-time-buyers fl-istorja ta’ pajjiżna b’għotja ta’ elf ewro fis-sena għal għaxar snin.
Apparti hekk, dan il-Gvern qiegħed għal sena oħra jġorr il-piżijiet li qed iġibu magħhom il-kriżijiet internazzjonali fuq is-settur tal-enerġija. Li kieku l-Gvern ma jerfax dan il-piż, ikun ifisser li kull faxxa tas-soċjetà tagħna nkluż iż-żgħażagħ jaffaċċjaw diffikultajiet kbar, bħal kif qed jiġri f’pajjiżi Ewropej oħra. Ninnutaw li kieku dawn is-sussidji ma kienux jeżistu, f’sena kien ikollna nonfqu €468 iktar fuq petrol. B’hekk il-Gvern se jkun nefaq qrib €931 miljuni f’temp ta’ tliet snin fuq sussidji biss. Dan kollu sabiex kull Malti u Għawdxi ma jara l-ebda żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils u ċ-ċereali, qmuħ u għalf tal-annimali.
Il-baġit għas-sena d-dieħla huwa prova ċara ta’ kif Gvern Laburista huwa Gvern soċjali u Gvern sensittiv għar-realtajiet ta’ kull wieħed u waħda minna. Gvern li qed jaħdem qatigħ sabiex kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom l-opportunità joħolmu u jiksbu f’Malta tagħna stess. Huwa b’hekk li Gvern Laburista qiegħed joħloq Malta aktar ġusta għalina lkoll.