Il-linja tal-ajru Malta Air nediet ħames rotot ġodda li se jibdew jaħdmu darbtejn fil-ġimgħa minn u lejn Malta mis-Sajf li ġej.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet mis-sala tat-tluq tal-ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dawn il-ħames titjiriet se jkunu qed jibdew f’Ġunju u Lulju u se jkunu lejn l-ajruporti ta’ Brindissi, Cagliari, Genoa, Trapani fl-Italja u Sqallija u l-ajruport ta’ Chania fil-Greċja.
Il-Ministru Bartolo kompla jisħaq li issa l-linja tal-ajru Malta Air, li hija sussidjarja tar-Ryan Air se jkollha sitt ajruplani bbażati f’Malta u tul ix-xhur li ġejjin se jibdew b’155 titjira fil-ġimgħa fuq 60 rotta differenti.
Il-Ministru għat-Turiżmu kompla jispjega li Malta tiddependi ferm fuq il-konnettività bl-ajru u din hija waħda mill-prioritajiet tal-Gvern.
Għalhekk il-Gvern qed jaħdem biex dan is-settur jirkupra b’mod kawt, gradwali u sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air David O’Brien beda billi tenna li bil-proċess tal-vaċċinazzjoni mgħaġġel pajjiżna jinsab f’pożizzjoni unika fl-Ewropa.
Saħaq li dan is-suċċess se jwassal biex aktar nies ikunu jridu jżuru pajjiż sigur bħal Malta.
Huwa tenna wkoll li l-Gvern kien għaqli li għażel ġurnata partikolari li fiha se jiftaħ l-ajruport u bi tnaqqis gradwali fir-ristrezzjonijiet li jwasslu għal din il-ġurnata.
Fil-preżentazzjoni tiegħu O’Brien spjega li sa Diċembru Malta se tkun waħda mill-aqwa għaxar rotot tal-kumpanija Ryan Air.
Spjega li bis-saħħa tal-programm tal-vaċċinazzjoni, Malta tinsab f’din il-pożizzjoni tant tajba.
Fakkar ukoll kif il-linja tal-ajru tiegħu tħaddem f’Malta mal-580 ħaddiem u tagħti x-xogħol wkoll lil numru ta’ kumpaniji oħra lokali.
L-investiment min-naħa ta’ Malta Air ma naqasx u għamel referenza kif mix-xahar id-dieħel Malta Air se tibda tirċievi l-ewwel minn sitt ajruplani ġodda fjamanti li huma aktar effiċjenti, jaħlu inqas fjuwil u jipproduċu mal-40% inqas storbju minn dawk eżistenti.
Huwa rrimarka wkoll li għall-ewwel darba, ajruplani tal-kumpanija sussidjarja tar-Ryan Air se jibdew itajjru l-kuluri ta’ Malta fl-ajruporti Ewropej.
Meta kien mistoqsi mill-midja, il-Ministru Clayton Bartolo fakkar dwar il-ħidma li qed issir sabiex jiġi żviluppat passaport tal-vaċċin.
Hawnhekk huwa rrimarka wkoll li se tiddaħħal ukoll sistema magħrufa bħala traffic light system li hija bbażata fuq testijiet tal-PCR bil-għan li s-settur turistiku jibqa’ sostenibbli u sigur.
Irrimarka li hawnhekk qed issir ħidma fuq livell Ewropew.
Il-Ministru għat-Turiżmu fakkar ukoll kif il-Gvern qed iniedi diversi skemi li se jammontaw għal €20 miljun biex jgħinu lil dan is-settur jirkupra kemm jista’ jkun malajr u bl-aktar mod sostenibbli.